Lokali

Nhar l-Erbgħa li ġej, il-PN ikompli bil-konsultazzjoni dwar l-ambjent

Hekk kif in-Nazzjonijiet Uniti llum qed jiċċelebra l-Jum Dinji tal-Ambjent, il-Partit Nazzjonalista bħalissa għaddej b’aktar ħidma ta’ konsultazzjoni li bdiet bil-Konvenzjoni Ġenerali IdeaAmbjent f’Jannar li għadda, proċess li se jwassal għal pubblikazzjoni ta’ dokument bi proposti konkreti li jassiguraw li l-ambjent ta’ pajjiżna jkun wieħed li joffri kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin. Dan intqal permezz ta’ stqarrija maħruġa minn Marthese Portelli, shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport u Ryan Callus, Kelliem tal-Ambjent, l-Ippjanar, l-Artijiet u l-Infrastuttura.

Bħala parti minn dan il-proċess, nhar l-Erbgħa li ġej, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed ilaqqa’ l-imsieħba soċjali u l-istakeholders f’dan is-settur biex jippreżentalhom il-pedamenti tal-viżjoni ambjentali tiegħu. Din il-laqgħa, li se tkun indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, se tkun parti minn dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li hu wieħed importanti ħafna, hekk kif dawk l-istakeholders f’dan is-settur se jkunu huma li jkomplu joħorġu bil-proposti tagħhom u jiddiskutuhom f’aktar dettall mal-Partit Nazzjonalista.

Għall-Partit Nazzjonalista, l-ambjent huwa prijorità politika, tant li f’kull inizjattiva li jieħu, qed jassigura li l-ambjent ta’ pajjiżna jissaħħaħ. Biżżejjed wieħed isemmi l-proposti short-term dwar it-traffiku li ġew ippreżentati fl-aħħar ġimgħat kif ukoll dawk dwar l-ekonomija li ġew ippreżentati f’Ottubru li għadda. Dawn il-proposti huma wkoll intiżi biex joffru kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi.