1. Hemm mument meta wieħed jagħmel tajjeb li jieqaf jirrifletti fuq fejn huwa sejjer u lejn xiex. Bħad-drabi li ssib lilek innifsek waqt li tkun qed issuq. Kif toħroġ minn triq partikulari tieqaf biex issib quddiemek direzzjonijiet differenti inkluża dik li ddur u tmur lura parti minn dak li tkun diġà għaddejt. Min jimxi mingħajr ma jaf fejn sejjer jew taħt l-impressjoni li se jasal fejn għandu, mentri ma jkunx effettivament, naħseb li jagħmel tajjeb li jieqaf. Drabi jidħol f’dan l-eżerċizzju salutari waħdu, oħrajn jingħaqad ma’ dawk li qed jarawh miexi imma mhux neċessarjament fil-karreġġjata tiegħu.
Id-direzzjoni t-tajba
2. Hemm f’dan ħbieb, bnedmin bħalek li jridu jimxu miegħek fit-triq it-tajba. Tajba għax sejra lejn is-sewwa u għax hija bbażata fuq prinċipji, pedamenti politiċi b’saħħithom. Forsi dan l-artiklu, il-bżonn tiegħu, il-preparazzjoni għalih iġibuni ġimgħa wara ġimgħa f’din il-pożizzjoni magħkom. Nikteb għal dawk li jridu jimxu miegħi fil-ħsieb u għalija stess li nipprova nieħu oħrajn li jridu jiċċaqilqu f’din id-direzzjoni li nara bħala tajba. Dan huwa iktar importanti f’dak li rajna u qed inġarrbu tul dawn it-tliet snin ta’ din il-leġiżlatura. Waħda li bdiet bi stabbiltà u bażi ta’ programm politiku li sforz dak li daħlet għalih qed issib ruħha fil-kontra.
L-influwenzi reċiproċi
3. Kull partit irid jibni ħidmietu fir-realtà tal-ġurnata u taż-żminijiet. Dan jgħodd għal dawk prinċipali li qegħdin fuq naħa u oħra tal-Parlament tagħna. F’dan għalhekk mingħajr ma jirrikonoxxu jew jafu jinfluwenzaw lil xulxin. Aħna lilhom u bl-istess mod niġu aħna wkoll taħt din il-linja. Il-ħidma politika titlob li bejn dak li jsir mill-oħrajn u meta wara tiġi għar-reazzjonijiet għalihom hemm bżonn li tieħu l-ħin tal-ħsieb. Hemm in-neċessità li wieħed jieqaf jagħraf fejn sejjer. Jekk hux fejn għandu, jekk hux fejn irid ħaddieħor jew fejn verament irid jasal hu. Jekk huwiex jibni jew huwiex jgħin iħott.
Vilifikazzjoni politika
4. Il-klima politika f’din il-leġiżlatura qed tieħu battuti u togħmiet iebsa. Id-diskors tal-politiċi qiegħed jiġi akkumpanjat minn oħrajn. Minn dawk li jinsabu taħthom, maġenbhom jew li jaġixxu separatament li jitkellmu fuq dak li qiegħed iseħħ li jużaw fih lingwaġġ li huwa għalkollox żbaljat. Ir-reazzjoni t-tajba, demokratika għal min jikteb kontra l-politiċi jew għal min jivvilifikahom mhi faċli xejn. L-esperjenza tgħallem li jekk wieħed iwieġeb għal azzjoni ħażina b’oħra tal-istess livell jew kalibru, allura din ma twassal imkien. Hemm min moħħu jagħraf dan. Imma billi għandu miegħu min għadu ġdid, mhux imbaskat, allura ma jżommx lura u żbaljatament jitkaxkar.
Għalfejn?
5. Diversi persuni li jidħlu fil-kamp politiku u wara jsibu ruħhom magħżula mill-poplu f’elezzjoni ġenerali biex jirrappreżentawhom mhux dejjem ikollhom viżjoni ċara. Hemm min huwa ppreparat. Hemm min qara, għarbel u mmatura biċ-ċirkostanzi ta’ ħajtu li jagħraf fejn irid imur. Jagħraf li l-politika hija strument għas-sewwa li trid tiġi użata b’attenzjoni. Attenzjoni biex ma jsirux azzjonijiet żbaljati fil-konfront ta’ oħrajn. Attenzjoni għad-dettall u għad-diffikultajiet varji li l-poplu jiltaqa’ magħhom. Il-politika hija, jekk tippermettuli, vokazzjoni nobbli. Meta wieħed jistaqsi lilu nnifsu għalfejn qiegħed fiha, ma jistax iwieġeb sewwa jekk mhux kapaċi jagħraf din il-missjoni.
Dawk li huma kontra
6. Ilkoll nagħrfu li ħafna minna qegħdin preżentement jaqgħu fin-nases ta’ dawk li jridu jibagħtu l-messaġġ tal-inadegwatezza tal-politiċi u tad-demokrazija nnifisha. Meta l-Gvern imaqdar bla sens lill-Oppożizzjoni u viċi versa, hekk inkunu qed nagħmlu. Il-poplu jimmarka f’moħħu l-azzjonijiet ħżiena u diskors dispreġjattiv u ma jiħux gost bihom. Jitlob anzi kif qed jagħmel illum li joħorġu minn dan iċ-ċirku vizzjuż. Li jibqgħu bnedmin ta’ rieda tajba li jsejħu oħrajn bħalhom biex jipparteċipaw fi stat li jemmen li għandu dmir li jwettaq is-sewwa lill-proxxmu.
Naħsbu lura u ‘l quddiem
7. F’dan il-mument partikulari tal-istorja politika tagħna hemm diversi direzzjonijiet li nistgħu nieħdu. L-affarijiet jistgħu jibqgħu kif inhuma għax hemm min jibża’ jitkellem il-kontra. Jistgħu jikkalmaw u nagħrfu li rridu ninbidlu qabel niċċaqilqu ‘l quddiem. Jistgħu, kif qiegħed nara preżentement, imorru ferm iktar għall-agħar. F’din it-triq għandna warajna eżempji varji. Insemmi tnejn tajba. Għax jekk nagħżlu li mmorru lura se nsibu l-ewwel ħafna mumenti meta kien hemm dibattitu sod imma kostruttiv fejn il-personaliżmi kienu assenti, u t-tieni l-eżempji ta’ diversi politiċi li għax għaddew u rriflettew kienu kapaċi jkunu parteċipi tal-politika tas-sewwa anki jekk setgħu dehru jew ġew impinġija bħala dgħajfa jew qed iċedu.
Responsabbiltà determinanti
8. Huma verament il-politiċi tal-ġurnata li jfasslu u jagħmlu l-politika. Hija ħasra li tant bnedmin li huma preżenti fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra narahom jitkaxkru lura għal aġir xejn tajjeb. Forsi ma jħossux biżżejjed libertà ta’ moviment jew hemm l-ostraċiżmu passat li qata’ bara li kull min ma ġibidx il-linja. Forsi wkoll jagħrfu li hemm dejjem parti mill-poplu li f’mument jgħajjat b’entużjażmu lejn isem min imexxi partit fil-Gvern u wieħed fl-Oppożizzjoni. Hi x’inhija t-tweġiba, ir-responsabbiltà qiegħda fuqna. Fuq min imexxi prinċipalment. Biss hija waħda determinanti. Hija hekk għax hija parti mill-pakkett sħiħ. Nagħmlu għalhekk sewwa f’dan il-bidu ta’ dan ix-xahar li naħsbu mill-ġdid fejn aħna, u fejn għandna nkunu.