Il-votanti taw mandat lill-Gvern biex jimplimenta l-manifest elettorali. Taw ukoll mandat lill-Oppożizzjoni biex tiskrutinja l-aġir tal-Gvern fl-implimentazzjoni tal-manifest.
Il-mandatarju, jiġifieri dak li ngħatalu l-mandat mill-poplu, għandu d-dmir, id-dover, li jkun kontabbli lejn min eleġġieh. Għandu d-dmir li jagħti rendikont ċar ta’ kif qed iħaddem il-kontijiet tal-istat, tal-pubbliku, u jispjega kif qiegħed jimplimenta l-miżuri li wiegħed fil-manifest. Il-kif huwa importanti daqs ir-riżultat.
Ilu tliet snin li l-Partit Laburista ħa l-inkarigu tat-tmun, u li l-Partit Nazzjonalista ħa l-inkarigu tal-iskrutinju. Matul dan iż-żmien, il-Ministri tal-Gvern bdew jimplimentaw dak li wiegħdu fil-manifest u bdew ukoll jagħmlu affarijiet li ma wegħdux. Jew saħansitra jagħmlu l-kontra ta’ dak li wiegħdu! Bdew in-negozjati għall-power station imħaddma bil-gass, iżda dawn il-kuntratti huma mċajpra b’nuqqas ta’ trasparenza, koinċidenzi u kumbinazzjonijiet suspettużi għall-aħħar. Il-kuntratti qatt ma ġew ippubblikati u għaldaqstant il-mandant, il-poplu, ma jistax jgħid jekk il-kundizzjonijiet miftiehma kinux ekwi u ġusti. Il-poplu ma jafx jekk l-interess nazzjonali ġiex osservat jew ikkalpestat. Jew jekk kienx hemm lok li xi ħadd iħaxxen butu jew xi kont moħbi f’xi post imbiegħed b’kummissjonijiet u favuri.
Ngħidha bla tlaqliq li lil numru ta’ persuni f’Malta l-poter ħassrilhom ruħhom u l-ġudizzju ċar. Fl-Iżlanda, il-Prim Ministru, għax issemma fil-Panama Papers, irriżenja. Imma l-istandards ta’ governanza tal-kontinent Ewropew f’Malta, ma japplikawx. L-iskandlu tal-Panama kellu jitqies bħala opportunità biex il-Gvern jiġi riorganizzat u mbiegħed minn elementi li mhumiex akkontabbli, opportunità biex il-fiduċja tal-poplu, tal-mandant, tiġi ripristinata.
Li wieħed jiżbalja huwa normali. Li dan ‘l-iżball’ jirrepeti ruħu u jsir abitudni, imbagħad dak ma jibqax żball iżda jsir mod kif wieħed jaħdem. U jekk min suppost qiegħed hemm biex jikkontrolla, jispiċċa jiddefendi u jeloġja lil min jaġixxi b’mod suspettuż, allura l-problemi huma kbar. Il-ħuta minn rasha tinten.
Iżda l-poplu m’għadux iblah. M’għadux jibla’ kulma jtanbarlu l-istazzjon tal-partit, jew l-istazzjon nazzjonali li qajla għadek tagħrfu minn tal-partit.
Malli nkixfu l-borom, minkejja li min ħawwar dawn il-borom ħadhom ‘il bogħod ħafna u għalaq l-għatu tagħhom sew, bdiet serje ta’ konfrontazzjoni u tgħajjir insensat. Jekk ma tistax tiddefendi l-indifensibbli, intefa’ għajjar lil ħaddieħor. Ir-riżultat x’inhu issa? L-ewwel: indunajna li l-Partit Laburista mhux moviment tal-moderati imma partit li jħaddan it-tattiki u l-intriċċi tal-antik. It-tieni: diżgust u diżinteress akbar lejn il-politika mill-moderati.
Il-PN tal-lum immexxi minn Simon Busuttil huwa nifs ġdid. Arja friska li se timla l-pulmun ta’ min tilef l-interess fil-politika għax min wiegħed stil ġdid ta’ politika spiċċa ħadna lura għall-istil tal-politika ta’ 30 sena ilu! Il-PN huwa aħna kollha kemm aħna. Il-PN għandu jkompli jinfetaħ u jilqa’ lil min għalkemm ma jgħixx għall-politika, jivvota kull ħames snin u jinteressah il-ġid tal-pajjiż.
Dan biex ma nsemmux l-atteġġjament ta’ ċerti rappreżentanti fil-Parlament. Id-Deputat Luciano Busuttil jista’ ma jaqbilx mad-Deputata Marlene Farrugia imma m’hemmx għalfejn jintefa’ jagħmel l-uċuħ minn warajha!
Ir-rwol ta’ Membri Parlamentari għandu jimtela minn persuni preżentabbli, maturi u moralment integri. Inqas minn hekk mhux aċċettabbli. U kull min ipoġġi fuq dawk is-siġġijiet għandu jaspira li jkompli jrawwem dawn il-kwalitajiet matul il-leġiżlatura.
Nagħlaq biex ngħid li l-partijiet mhux se jkunu ġġudikati biss mill-poplu fuq ir-riżultati, imma wkoll fuq kif jaslu għar-riżultati. The end does not necessarily justify the means. Qabel l-elezzjoni, il-PL uriena d-debba, qalilna li hu mnebbaħ mill-prinċipji tat-trasparenza, tolleranza żero għall-korruzzjoni u mnebbaħ ukoll mill-meritokrazija, imma llum qabbżilna l-ħmara: ħabi, prattiki korrotti u nepotiżmu estrem.
Dan il-pajjiż jixraqlu ferm aħjar.