Lokali

Żewġt irġiel involuti f’inċident tat-traffiku fiż-Żurrieq

Kmieni dalgħodu għall-ħabta tat-tlieta u kwart, il-Pulizija ġiet infurmata li kien seħħ inċident tat-traffiku fi Triq il-Qrendi, iż-Żurrieq u kien hemm xi persuni feruti.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post fejn mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta waqt li raġel ta’ 58 sena kien qed isuq karozza tat-tip Toyota Starlet fid-direzzjoni mill-Qrendi lejn iż-Żurrieq, għal xi raġuni tilef il-kontroll u baqa’ dieħel ġo ħajt ta’ residenza. Kemm is-sewwieq kif ukoll passiġġier, raġel ta’ 67 sena ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura medika. Aktar tard, ix-xufier ġie iċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura ħafifa, filwaqt li l-passiġġier sofra ġrieħi ta’ natura gravi. Iż-żewġ persuni huma miż-Żurrieq.

Il-vettura involuta fl-inċident ġarrbet ħsarat estensivi.