Lokali Qorti

Ammetta li weġġa’ bouncer b’daqqa ta’ tazza

Alfred Zahra, ta’40 sena minn Buġibba, kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li weġġa’ bouncer fl-istabbiliment Fuego meta tah daqqa ta’ tazza.
Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, Zahra ammetta li fil-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ Awwissu li għadda huwa kkaġuna feriti gravi fuq Vincent Cutajar, wieħed mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-istabbiliment, u li heddu.
Il-każ seħħ meta nqala argument li fih kienet involuta oħt Zahra u kien wara li l-akkużat daħal biex iferraq il-ġlieda li spiċċa weġġa’ lill-vittma.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit irrimarkat li minkejja każijiet preċedenti Zahra jidher li qabad it-triq it-tajba u ma ħassitx li kellha tikkundannah għal priġunerija effettiva.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Joseph Busuttil. Zahra kien assistit mill-Avukat Raphael Fenech Adami.