Lokali Qorti

Baħri Grieg jammetti li ħebb għal pulizija waqt li kien xurban

Baħri Grieg li jaħdem fuq jott ammetta li weġġa’ wieħed mill-pulizija li marru jfittxuh wara rapport li fil-Belt kien qed jiffitta nies fi stabbiliment tal-ikel waqt li kien xurban.
Eleftherios Sklavos, ta’ 35 sena, ammetta li nhar il-Ħadd li għadda, 5 ta’ Ġunju, għall-ħabta tas-7.30 p.m. fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta hedded lil numru ta’ pulizija.

Hu ammetta wkoll li ikkaġuna feriti ħfief fuq is-Surġent Brendan John Borg u li heddu kif ukoll li hedded anke lill-Kuntistabbi Robert Saliba.

Il-Maġistrat Ian Farrugia kkundannah sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn u multa ta’ €4,000 li jrid iħallasha sal-Ġimgħa d-dieħla biex ikun jista’ jsalpa minn Malta abbord il-vapur “Blue Galaxy” li jinsab sorġut fit-tarzna ta’ Palumbo f’Bormla.

Waqt li qallu li mhux aċċettabbli li jħebb għall-pulizija u li l-multa kienet l-inqas waħda li seta jagħtih, il-Maġistrat Farrugia appellalu biex ma jixrobx iżżejjed alkoħol bil-Grieg għal iktar minn darba jbaxxi rasu b’sinjal ta’ ndiema u anke talab apoloġija għal dak li għamel.

Sklavos tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati mill-Ispettur Daryl Borg waqt li kellu jiddefendih lill-Avukat Abigail Bugeja.