Ambjent Lokali

BirdLife Malta tniedi l-proġett LIFE Arċipelagu Garnija

Proġett ieħor ta’ €1.3 miljun kofinanzjat mill-UE

BirdLife Malta dalgħodu nediet it-tielet proġett kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea (UE) li se tkun qed tmexxi dwar il-konservazzjoni tal-għasafar tal-baħar fil-gżejjer Maltin.

Tul l-aħħar 10 snin, BirdLife Malta flimkien mal-imsieħba tagħha kienet involuta f’numru ta’ proġetti biex tifhem u tindirizza l-isfidi ewlenin li qed iwasslu għal tnaqqis fil-popolazzjoni ta’ numru ta’ għasafar tal-baħar protetti li jbejtu f’Malta, sew fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar.

Il-proġett LIFE Arċipelagu Garnija, li ġie mniedi uffiċjalment illum, se jiffoka fuq il-Garnija (Yelkouan Shearwater) bil-mira prinċipali tiegħu tkun li jtejjeb l-istatus ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tal-Puffinus yelkouan fil-gżejjer Maltin u jħares il-postijiet fejn ibejtu dawn l-għasafar (breeding colonies) f’siti Natura 2000 u l-inħawi qrib tagħhom.

Mill-istudju tal-ispeċi u l-analiżi tal-isfidi
…għall-indentifikazzjoni tas-soluzzjonijiet u l-azzjoni biex jiġu indirizzati

(i) Dan huwa t-tielet minn sensiela ta’ proġetti marbutin intrinsikament wieħed mal-ieħor, li l-ewwel wieħed minnhom kien il-LIFE Yelkouan Shearwater Project (2006-2010) li ffoka fuq il-konservazzjoni, ir-riċerka u l-ħidma biex titqajjem kuxjenza dwar dan l-istess għasfur tal-baħar, b’enfasi speċjali fuq l-akbar kolonja tal-Garnija f’Malta li tinsab fl-inħawi tal-Irdum tal-Madonna fil-Mellieħa.

(ii) Dan kien segwit mit-tieni proġett, il-LIFE+ Malta Seabird Project li qed joqrob lejn tmiemu (2011-2016) u li, bis-saħħa ta’ riċerka estensiva u innovattiva, identifika l-aktar siti importanti fil-baħar li huma essenzjali għall-għasafar tal-baħar ta’ Malta u ħoloq inventarju tal-hekk imsejħa Important Bird Areas (IBAs) fil-baħar li għandhom jiġu protetti legalment. Dan isir wara li jiġu klassifikati mill-Gvern Malti bħala l-ewwel marine Special Protected Areas (SPAs) tal-gżejjer Maltin, bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Dan it-tieni proġett iffoka fuq tliet speċi ta’ għasafar tal-baħar f’Malta – il-Garnija (Yelkouan Shearwater), iċ-Ċiefa (Scopoli’s Shearwater) u s-sottospeċi Mediterranja tal-Kanġu ta’ Filfla (European Storm-petrel). F’Malta għandna 10% tal-popolazzjoni dinjija tal-Garnija, 3% taċ-Ċief, u 50% tal-popolazzjoni globali tal-Kanġu ta’ Filfla.

(iii) LIFE Arċipelagu Garnija, it-tielet proġett li kien imniedi llum, se jikkumplimenta dak li kien skopert fl-ewwel żewġ proġetti. Filwaqt li se jibni fuq il-kisbiet tal-proġetti ta’ qablu, Arċipelagu Garnija jimmira biex jagħmel minn Malta santwarju tal-Garnija. Dan se jsir billi wara li nifhmu b’mod preċiż fejn tinsab din l-ispeċi, nanalizzaw il-punti speċifiċi ta’ theddid li dawn l-għasafar jiffaċċjaw fis-siti fejn qed ibejtu. Imbagħad, bi djalogu dirett mad-diversi msieħba bħalma huma s-sajjieda, l-operaturi tad-dgħajjes, policy makers u anke mal-pubbliku inġenerali, il-proġett se jħeġġeġ bidla fl-attitudni ta’ kulħadd biex jelimina b’mod sinifikanti l-perikli għal dawn l-għasafar tal-baħar.

LIFE Arċipelagu Garnija – Inħarsu lill-Gżejjer Maltin għall-Garnija
Arċipelagu Garnija hu proġett mifrux fuq ħames snin (1 ta’ Settembr 2015 – 31 ta’ Awwissu 2020). BirdLife Malta hi l-benefiċjarju prinċipali li qed jikkordina l-proġett imma magħha f’dan il-proġett għandha żewġ imsieħba oħra li huma Transport Malta u r-Royal Society for the Protection of Birds (RSPB) tar-Renju Unit.

Apparti t-tliet imsieħba prinċipali fil-proġett, parteċipanti oħra li huma kruċjali fit-twettiq tiegħu jinkludu l-Ministeru tal-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima (MSDEC) u l-Awtorità Maltija tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Dan il-proġett kien approvat mill-Kummissjoni Ewropea għal finanzjament taħt il-programm LIFE tal-ambjent fi tmiem l-2015 u l-investiment totali jammonta għal €1.26 miljun. Fil-kofinanzjament, l-akbar kontributur hija l-Unjoni Ewropea permezz tal-programm LIFE b’60% tal-fondi. 26.1% oħra tal-fondi qed jinħarġu mill-Gvern Malti permezz tal-Ministeru responsabbli mill-ambjent, 9.2% huma fondi ta’ BirdLife Malta, 3.4% tal-kofinanzjament ġej mill-RSPB u l-kumplament huma fondi ta’ Transport Malta li qed tikkontribwixxi 1.3% tal-fondi għal dan il-proġett.

Il-Garnija Puffinus yelkouan
Il-proġett ta’ BirdLife Malta LIFE Arċipelagu Garnija għandu l-mira prinċipali li jagħmel mill-gżejjer Maltin santwarju fejn il-Garnija (Yelkouan Shearwater) tkun imħarsa b’mod sħiħ. Dan l-għasfur hu speċi li tinstab biss fir-reġjun tal-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant. Din it-tajra ta’ daqs medju tittajjar b’qadfiet mgħaġġlin u tħuf baxx mal-mewġ f’irjieħ qawwija. Tul l-istaġun meta jkun qed ibejjet, minn Frar sa Lulju, dan it-tajr jista’ jintlemaħ jistrieħ fuq il-baħar f’waħdiet jew fi qtajja’ żgħar. Hu stmat li f’Malta għandna bejn 1,660 u 1,980 par minn dawn l-għasafar li jfisser 10% tal-popolazzjoni dinjija tal-Garnija. Għalhekk il-ħarsien ta’ din il-popolazzjoni lokali hu importanti fuq livell dinji, speċjalment fid-dawl tat-tnaqqis drastiku li l-Puffinus yelkouan kellu globalment fl-aħħar ftit għexieren ta’ snin.

Anke f’Malta n-numru naqas fis-snin riċenti, l-aktar minħabba l-problema tal-qtil tal-għasafar mill-firien u l-ġrieden (rat predation), it-tnaqqis tal-ħabitat fejn ibejjet dan l-għasfur, it-tfixkil u t-tniġġis minn dwal u ħsejjes qrib il-kolonji ta’ dan it-tajr. Il-problema tal-ħut u kreaturi oħra tal-baħar li jispiċċaw jinqabdu bi żball fix-xbieki waqt is-sajd kummerċjali għal speċi differenti u t-tniġġis tal-baħar ukoll qed jikkontribwixxu għal dan it-tnaqqis. Dan kollu wassal biex dan l-aħħar, din l-ispeċi ġiet ikklassifikata bħala ‘vulnerabbli’ fir-Red List ta’ speċi mhedda tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) u hija protetta minn numru ta’ ftehim internazzjonali ta’ konservazzjoni kif ukoll mil-liġijiet lokali.

Hija wkoll inkluża f’Annex I tad-Direttiva Ewropea tal-Għasafar u f’Annex II tal-Konvenzjoni ta’ Berna li jfisser li hija s-suġġett ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni madwar l-Ewropa. Dan il-proġett ta’ BirdLife Malta se jfassal pjan fit-tul għall-irkupru tal-Garnija madwar il-Gżejjer Maltin.

L-isfidi speċifiċi li jpoġġu theddida
Fost l-iktar sfidi komuni li jpoġġu theddida għall-Garnija hemm il-firien. Pereżempju, waħda mill-kolonji prinċipali tinsab f’Kemmuna fejn hu magħruf li l-frieħ ta’ dawn l-għasafar tal-baħar jispiċċaw jiġu attakkati mill-firien għall-ikel. Bi pjan u viżjoni għat-tul, il-ħsieb hu li din il-gżira tinbidel f’santwarju ħieles mill-ġrieden u l-firien biex il-Garnija tkun tista’ tkompli tbejjet u tirriproduċi b’mod ħieles u b’hekk toktor il-popolazzjoni tagħha. Dan, naturalment, ifisser li jridu jiġu eliminati għalkollox il-firien billi jittieħdu miżuri bijoloġiċi effettivi. Imma fl-istess ħin iridu jiġu involuti direttament ukoll dawk kollha li jżuru lil Kemmuna u li huma responsabbli għall-iskart organiku li jservi bħala ikel għall-popolazzjoni tal-firien qrib il-kolonji fejn tbejjet il-Garnija. Kontroll ta’ dan it-tip se jsir fi tlettax-il sit differenti.

Theddid ieħor, riżultat ta’ azzjoni diretta jew indiretta mill-bniedem, jinkludi t-tniġġis mid-dawl, il-bunkering tal-vapuri ‘l barra qrib il-kolonji tal-Garnija, il-mawriet rikreattivi bid-dgħajjes u l-vjaġġi kummerċjali bil-baħar qrib is-siti fejn ibejjet dan l-għasfur waqt iż-żmien meta jkun qed ibejjet. Bl-għajnuna ta’ periti, pereżempju, il-proġett se jipprovdi mudell ta’ studju dwar tniġġis mid-dawl, l-effetti tiegħu fuq l-għasafar tal-baħar u metodi kif jista’ jitnaqqas.

L-azzjonijiet
– programm ta’ kontroll tal-firien f’mill-inqas 13-il sit fejn hemm kolonji tal-Garnija
– programm biex titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku biex jitnaqqas l-iskart organiku li jitħalla f’dawn is-siti, u li jservi bħala ikel għall-firien
– it-trasformazzjoni tal-gżira ta’ Kemmuna f’santwarju għal dawn l-għasafar permezz tat-tneħħija tal-firien b’miżuri bijoloġiċi effettivi
– tnaqqis sinifikanti fit-tniġġis mid-dwal fit-terminal tal-vapuri tal-Gozo Channel fiċ-Ċirkewwa – sit li hu qrib ħafna ta’ tliet kolonji importanti tal-Garnija
– investigazzjoni tat-theddida għall-kolonji tal-Garnija mill-bunkering (l-għoti tal-fuel lill-vapuri) qrib il-postijiet fejn tbejjet biex tittieħed azzjoni konkreta ta’ konservazzjoni
– ħidma biex tiġi indirizzata t-theddida marittima li jġib miegħu t-tfixkil tal-kolonji tal-Garnija mill-vjaġġi rikreattivi tad-dgħajjes u mill-vjaġġi kummerċjali organizzati mill-operaturi
– ħidma biex jiżdied is-sapport għall-ħarsien tal-ispeċi fost il-popolazzjoni Maltija

Il-miri/riżultati mistennija
– Li titnaqqas b’madwar terz it-theddida fuq kull sit
– Li jitnaqqas b’mod konsiderevoli t-theddid minn fatturi differenti fi 13-il kolonja
– Li tinkiseb żieda ta’ madwar 10% fin-numru ta’ pari li jbejtu
– Li tiżdied b’25% r-riproduzzjoni fil-maġġoranza tal-kolonji
– Li jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Bijodiversità ta’ Malta
– Li tkun żgurata l-aħjar tmexxija tas-siti Natura 2000 fil-linja tal-pjani eżistenti ta’ mmaniġġjar
– Li jiġu rrappurtati r-riżultati miksuba fil-kuntest tal-Marine Strategy Framework Directive, id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar u l-Integrated Monitoring Programme of the Barcelona Convention
– Li jitfassal Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-ispeċi tal-Garnija f’Malta
– Li dan il-proġett iservi bħala gwida għal pajjiżi oħra tal-UE u mhumiex fil-reġjun biex huma wkoll jgħinu biex itejbu l-istatus tal-Garnija fil-Mediterran
– Li jippromwovi l-ħidma ta’ konservazzjoni meħtieġa fuq livell internazzjonali biex tkun imħarsa u garantita s-sostenibbiltà tal-ispeċi

L-imsieħba fil-proġett
BirdLife Malta hija l-akbar u l-eqdem NGO ambjentali f’Malta. Ilha għal aktar minn 50 sena għaddejja b’ħidma fil-qasam tal-konservazzjoni tal-għasfar u l-ħabitat tagħhom kif ukoll ħidma biex tqajjem kuxjenza fost il-pubbliku dwar in-natura. Illum, BirdLife Malta – li hija organizzazzjoni volontarja reġistrata – tmexxi tliet riservi naturali f’Malta, tmexxi kampanji fuq temi li jeffettwaw lill-għasafar u lill-bijodiversità, u tilħaq madwar 80% tat-tfal tal-Primarja bil-programm ta’ edukazzjoni ambjentali li għandha fl-iskejjel. Tagħmel ukoll riċerka kontinwa biex tiżgura li l-ħidma ta’ konservazzjoni tkun suċċess. Minbarra li mexxiet l-ewwel żewġ proġetti ffinanzjati mill-programm LIFE tal-UE dwar l-għasafar tal-baħar ta’ Malta u qed tmexxi dan it-tielet wieħed, BLM kkordinat ukoll bħala l-imsieħeb prinċipali flimkien ma’ msieħba oħrajn, proġett ieħor taħt dan il-programm Ewropew dwar il-passa tal-għasafar u l-insib.

Transport Malta għandha r-rwol fil-proġett li tifrex l-informazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħabitats tal-għasafar permezz ta’ avviżi lill-baħrin. Flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) u t-taqsima tal-Administrative Law Enforcement (ALE) tal-Korp tal-Pulizija, it-taqsima tal-Infurzar tal-Baħar ta’ Transport Malta se tkun inkarigata li waqt rondi ta’ rutina tinforma lil dgħajjes li jkunu fiz-zoni konċernati biex ma jagħmlux ħoss eċċessiv bħal pereżempju mużika għolja li tista’ tfixkel lill-ħabitat ta’ dawn l-għasafar.

Ir-Royal Society for the Protection of Birds hi fost l-akbar NGOs tal-konservazzjoni tan-natura fid-dinja u l-aktar imsieħeb importanti ta’ BirdLife fir-Renju Unit. L-RSPB għandha tradizzjoni twila fi proġetti bħal dawn u għalhekk għandha esperjenza vasta fir-restawr tal-ekosistemi ta’ gżejjer żgħar, irkupru ta’ speċi u l-eliminazzjoni tat-theddid li jġibu magħhom elementi bħal firien u ġrieden għal dawn l-għasafar tal-baħar. Fil-fatt is-sehem prinċipali tal-RSPB f’dan il-proġett se jkun it-tfassil ta’ studju ta’ vijabbiltà għall-eliminazzjoni tal-firien u elementi oħra ta’ periklu għall-Garnija fuq il-gżejjer ta’ Kemmuna u Kemmunett. Dan l-istudju se jkollu l-mira prinċipali li finalment iwassal biex tittejjeb ir-rata ta’ riproduzzjoni tal-għasafar tal-baħar fuq Kemmuna u jkun assigurat il-ħabitat naturali ta’ dan is-santwarju tal-għasafar li hu wkoll sit Natura 2000. Il-proġett sħiħ ġie ppjanat b’sapport minn esperti fil-konservazzjoni tal-għasafar tal-baħar, fosthom staff tal-RSPB.

Imsieħba oħra importanti
L-Awtorità Maltija tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hi responsabbli mill-immaniġġjar tan-network Natura 2000 f’Malta. Qabel, din l-awtorità ġdida flimkien mal-Aworità tal-Ippjanar (PA) li wkoll għadha kif twaqqfet, kienu jiffurmaw parti minn awtorità waħda – l-Awtorità Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Il-MEPA kienet qed tfassal l-inventarju u l-pjani tal-immaniġġjar u kienet ukoll responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom. L-ERA u l-PA imexxu wkoll il-proġetti tagħhom stess taħt il-programm Ewropew LIFE (LIFE Migrate, LIFE Baħar). BirdLife Malta se tkun qed taħdem fil-qrib ħafna ma’ dawn iż-żewġ awtoritajiet tul il-kors tal-proġett Arċipelagu Garnija f’dak li għandu x’jaqsam mal-immaniġġjar tas-siti Natura 2000 u l-permessi meħtieġa biex il-proġett jitwettaq.

Il-Ministeru tal-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima (MSDEC) huwa l-Ministeru responsabbli mill-Ambjent f’Malta. Dan minbarra li b’25% tal-fondi maħruġa minnu f’isem il-Gvern Malti, hu l-kofinanzjatur prinċipali wara l-programm LIFE tal-Unjoni Ewropea b’60%.

Kif tista’ tgħinna
L-involviment u l-interess tal-pubbliku għandu sehem importanti u kruċjali biex il-proġett LIFE Arċipelagu Garnija jilħaq il-miri tiegħu u jkun suċċess. Permezz ta’ kampanja intensiva ta’ komunikazzjoni fil-midja u numru kbir ta’ attivitajiet għall-pubbliku, se nkunu qed nagħmlu minn kollox biex inqajmu kuxjenza dwar dawn l-għasafar tal-baħar fost firxa kbira ta’ nies madwar il-Gżejjer Maltin. Biex il-proġett jilħaq il-għanijiet tiegħu, irridu nibnu sapport qawwi fost il-Maltin u l-Għawdxin għall-ħarsien ta’ l-ispeċi biex nagħmlu mill-Garnija maskot għall-protezzjoni u l-immaniġġjar tas-siti naturali li jiffurmaw il-kosta ta’ Malta u Għawdex, ħafna minnhom siti Natura 2000 li huma importanti għal dawn l-għasafar għax jirritornaw fihom sena wara l-oħra biex ibejtu.