Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus ikkritika l-mod żbaljat li bih il-Gvern implimenta l-firda tal-MEPA f’żewġ awtoritajiet u li wassal biex il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar illum diġà spiċċa f’każin Laburista, bil-persuni suppost indipendenti fil-Kunsill m’huma indipendenti xejn u huma katina waħda mal-Partit Laburista.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Artijiet, MEPA u Infrastruttura, fil-Parlament illejla tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar li minħabba li sar kollu maħtur mill-Gvern tilef l-indipendenza.
Hu qal li mhux biss l-Oppożizzjoni tilfet il-vuċi tagħha f’dan il-Kunsill, imma spiċċa wkoll bħala każin Laburista. Il-persuni suppost indipendenti tal-Kunsill m’huma indipendenti xejn u huma katina waħda mal-Partit Laburista.
Ebda membru indipendenti fil-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar
Ryan Callus spjega li dan il-Kunsill għandu ħafna poteri u jiddeċiedi kważi fuq kollox. Fih m’hemm ħadd li hu indipendenti u huma kollha maħtura mill-Gvern.
Fost deċiżjonijiet oħra, dan il-Kunsill hu responsabbli għad-deċiżjoni dwar l-avviż legali rigward il-billboards, f’attentat biex jingħalaq ħalq l-Oppożizzjoni, kif ukoll il-ġennata dwar it-tabelli fuq il-ħwienet li se jkunu kostretti jħallsu €1,500 fis-sena bħala permess għat-tabella. Din hi kkunisdrata bħala taxxa fuq kull min jaħdem f’dan is-settur.
Ryan Callus qal li fid-dawl ta’ dan kollu, l-Oppożizzjoni ma kellhiex għażla ħlief li tressaq mozzjoni biex l-avviż legali dwar il-billboards u t-tabbelli tal-ħwienet jitbiddel. Hu żied li dan hu r-riżultat ta’ x’toħloq meta tagħmel awtorità magħmula minn yes men, nies li ma jkunux qed iħarsu lejn l-interess nazzjonali.
Żieda sostanzjali fil-ħlas tal-applikazzjoni għal xogħlijiet ta’ tibdil żgħir
Ryan Callus qal li avviż legali ieħor li ġab inċertezza fost periti u applikanti hu dak relattiv għal xogħlijiet ta’ tibdil żgħir. Dan inbidel b’mod li għalih se tkun qed tintalab żieda sostanzjali fil-ħlas tal-applikazzjoni. Tibdil ieħor hu rigward proposti għal xogħlijiet fuq art pubblika. Hu tajjeb li qabel tkun ikkunsidrata t-talba għall-proposta tintalab l-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Artijiet.
Mhux tajjeb iżda li biex tinkiseb din l-approvazzjoni, wieħed irid joqgħod jirrikorri lejn id-Dipartiment tal-Artijiet fil-Berġa tal-Baviera. Għalkemm din hi proposta tajba, l-implimentazzjoni tagħha hi ħażina.
Persuni maħtura biex jaqdu lill-politiku u mhux biex ikunu ta’ servizz liċ-ċittadin
Ryan Callus qal li hu ħażin ukoll l-avviż legali li permezz tiegħu, membru tal-Bord tal-MEPA se jkun qed jiġi mitlub jiddikjara l-fehma tiegħu dwar applikazzjoni mhux fi tmiem il-preżentazzjoni iżda qabel.
Dan ifisser li membru tal-Bord se jkun mitlub jesprimi opinjoni imma deċiżjoni tittieħed f’seduti oħra sussegwenti. Dan se jwassal biex tiżdied il-pressjoni fuq il-membri bejn il-perijodu li jiddikjaraw il-fehma tagħhom sa meta jasal iż-żmien biex jittieħed il-vot.
Id-Deputat Nazzjonalista staqsa wkoll x’jiġri jekk ikun hemm tibdil fil-proposta u x’sens tagħmel implimentazzjoni bħal din meta l-membri tal-bord mhux dejjem ikunu l-istess.
Ryan Callus qal li nuqqas ieħor li jara fil-mod kif qed isiru l-affarijiet, hu li jintalab in-numru tal-mowbajl u l-email tal-applikant. Mhux kulħadd għandu aċċess għas-sistemi elettroniċi. Suġġeriment biex jitniżżel l-email tal-perit ma ġiex aċċettat.
Ryan Callus qal li kien ilu ma jitkellem dwar dak li qed jiġri fl-Awtorità tal-Ippjanar. Dan għamlu biex jagħti ċ-ċans l-Awtorità taħdem wara l-qasma li saret fil-liġi. Dawn l-iżbalji li qed isiru huma frott ta’ żbalji ta’ liġi li ġiet implimentata b’mod ħażin u frott ta’ persuni nominati biex jaqdu lill-politiku u mhux li jkunu ta’servizz liċ-ċittadin.
Il-mod kif saret u qed tiġi implimentata din il-liġi, kompla Ryan Callus, qed iżżid l-indħil politiku f’Awtorità li għandha taħdem b’indipendenza sħiħa.
//= $special ?>
