Internazzjonali

Isostni li l-immigranti jridu jinżammu fuq gżejjer

Hemm polemika għall-kummenti li għamel il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Awstrijak Sebastian Kurz li sostna li l-immigranti għandhom jinżammu fuq gżejjer minflok jitħallew jiżbarkaw fl-Ewropa.
Kurz qal dan f’intervista li dehret ilbieraħ fil-ġurnal Awstrijak ‘Die Presse’. Hawn Kurz stqarr li l-Unjoni Ewropea trid tieħu l-eżempju tal-Awstralja fil-konfront tal-immigranti li qed ikomplu jidħlu fil-kontinent.
L-Awstralja kienet adottat linja iebsa fil-konfront tal-immigrazzjoni illegali u dawk l-immigranti li jinqabdu jippruvaw jiżbarkaw fl-Awstralja bil-baħar jintbagħtu lejn kampijiet li tfasslu fil-gżejjer ta’ Nauru u Papua New Guinea fejn jinżammu indefinittivament sakemm tkun kunsidrata l-applikazzjoni tagħhom. Imma huma ma jitħallew taħt ebda ċirkostanza jidħlu fl-Awstralja.
Kurz qal li wieħed ma setax jikkopja f’kollox il-mudell Awstraljan imma l-prinċipji jistgħu jiġu applikati. Hu żied ukoll li kien xettiku dwar il-ftehim li kien sar mat-Turkija biex jitrażżan id-dħul tal-immigranti lejn l-Ewropa.
Kurz qal li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tadotta riżoluzzjoni fejn dawk li jippruvaw jidħlu fl-UE illegalment jitilfu awtomatikament id-dritt tagħhom għal kenn.
Minn Jannar diġà qasmu l-Mediterran madwar 204,000 persuna u magħhom kien hemm eluf li tilfu ħajjithom waqt dan il-vjaġġ. Hu stmat li tal-anqas 2,500 persuna tilfu ħajjithom, fil-maġġoranza waqt vjaġġi li bdew mil-Libja.