Minkejja l-ilmenti li ilhom iressqu r-resident ta’ Ta’ Xbiex, l-Awtorità tat-Trasport, ftit li xejn qed tagħti każ l-effett negattiv fuq il-lokalità bid-devjazzjonijiet tat-traffiku li qed isiru.
Id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono għal darb’oħra ressqet fil-Parlament il-frustrazzjoni tar-residenti ta’ din il-loklità. Devjazzjonijiet li qed isiru, qed iwasslu biex għadd ta’ sewwieqa li jkunu għaddejjin minn Triq ix-Xatt fid-direzzjoni lejn il-Gżira, jispiċċaw jintilfu fit-toroq ta’ Ta’ Xbiex minħabba nuqqas ta’ sinjali tat-traffiku li suppost għandhom jidderiġu l-influss tal-vetturi.
Waqt li tkellmet fl-aġġornament tas-seduta ta’ nhar it-Tnejn, Kristy Debono qalet li biex tingħata l-impressjoni li l-Awtorità qed tisma’ l-ilmenti tar-residenti, nidiet dik li hu suppost eżerċizzju ta’ konsultazzjoni.
Dan sar billi ntbagħtet pjanta fuq karta ta’ qies A4 fil-Kunsill Lokali bis-suppost direzzjonijiet ġodda. Dan mhux il-mod kif għandha ssir konsultazzjoni u l-Kunsill Lokali ma kellux jiġi nvolut b’dan il-mod.
L-Awtorità tat-Trasport qed tgħaddi lir-residenti tal-lokalità biż-żmien
Kristy Debono qalet li s-suġġeriment li sar bħala alternattiva mill-Awtorità tat-Trasport qed jgħaddi lir-residenti tal-lokalità biż-żmien.
Il-bidla proposta se tispiċċa ddawwar it-traffiku b’mod differenti mill-istess toroq fiż-żona tal-vilel. Dan it-tibdil xorta se jwassal biex sewwieqa jintilfu qalb it-toroq u jispiċċaw iduru fil-vojt fiż-żona. Din hi żona li ma tiflaħx l-influss ta’ traffiku li d-devjazzjonijiet se jitfgħu fiha.
Kristy Debono qalet li biex isir it-tibdil propost, se jitneħħew numru ta’ siġar kbar u antiki li ilhom fi Triq ix-Xatt żmien twil. It-tneħħija ta’ dawn is-siġar ftit li xejn se tagħmel differenza. It-tibdil kellu jsir b’konsultazzjoni serja li tagħti każ in-nies, ir-residenti u s-sewwieqa.
Suġġeriment dwar kif tista’ ssir id-devjazzjoni
Id-Deputat Nazzjonalista qalet li wara li semgħet il-veduti tar-residenti xtaqet tagħmel suġġeriment dwar kif tista’ ssir id-devjazzjoni. Is-suġġerimenti jinkludi t-triq li tgħaddi minn bejn il-baħar u l-Ġnien ta’ Ta’ Xbiex. Ftit tal-ġimgħat ilu din intużat temporanjament sakemm sar l-intervent biex jingħata wiċċ ġdid fit-triq f’Ta’ Xbiex Junction u ż-żona ta-toroq tal-madwar.
Din it-triq, minbarra li tieħu parkeġġ ta’ vetturi fuq iż-żewġ naħat, hi wiesgħa biżżejjed biex tieħu kareġġjata jekk mhux aktar, li minnha jista’ jgħaddi t-traffiku f’żewġ direzzjonijiet.
Dan it-tibdil jista’ jsir temporanjament sakemm ikun għaddej il-proġett tal-Kappara, minflok jgħaddi miż-żona residenzjali.
//= $special ?>