Għawdex Lokali Unjoni Ewropea

L-aqwa politika għal Għawdex trid titfassal mill-Għawdxin – Therese Comodini Cachia

“L-aħjar politika għal Għawdex hi dik li titfassal mill-Għawdxin stess. Il-politika hi n-nies u dawn għandhom jingħataw l-għodda meħtieġa biex ikunu jistgħu jwasslu l-politika li jridu huma”. Hekk stqarret il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cachia waqt konferenza dwar it-tieni sena ta’ ħidma fil-Parlament Ewropew, li saret fil-Fondazzjoni Arka f’Għajnsielem Għawdex.

Matul l-attività, Comodini Cachia wieġbet il-mistoqsijiet li sarulha mill-ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt Beppe Galea u mill-ġurnalist John Busuttil minn Illum, kif ukoll mistoqsijiet oħra li sarulha mill-persuni preżenti.

L-MEP Maltija tkellmet ukoll dwar proġetti li ġew imwegħda mill-Gvern Laburista għal Għawdex. Dwar il-proġett tal-mina, saħqet li diġà kien sar studju li juri li l-mina kienet l-aħjar għażla minflok pont u għalhekk ma kienx hemm bżonn studji oħra.

Għall-mistoqsija dwar ir-riżultati ekonomiċi, Comodini Cachia qalet li filwaqt li hu importanti li r-rapporti għal Malta mill-aġenziji tal-kreditu internazzjonali jkunu pożittivi, sfortunatament ħafna mill-jobs b’pagi għoljin qed jispiċċaw jittieħdu mill-barranin. Spjegat li hawn bżonn ta’ aktar investiment fil-faxex medji u baxxi biex il-livell tal-għajxien jitjieb.

Dwar il-kawża Kostituzzjonali tal-Partit Nazzjonalista fuq is-siġġijiet fil-Parlament Malti, Therese Comodini Cachia qalet “li minkejja r-reżistenza tal-Gvern, għandu jingħata r-rispett li jixraq lil kull votant, lill-Qorti f’Malta u anke lill-Ġustizzja”. Dan hekk kif il-Gvern Laburista appella d-deċiżjoni li ngħatat mill-Qorti.

Dwar ir-rwol tal-MEPs fil-kuntest lokali, qalet li r-rwol tagħhom għandu jkun li dejjem iħarsu l-interess tan-nies u jagħmlu skrutinju tal-ħidma tal-Gvern fejn jirrigwarda l-obbligi Ewropej. Dan għax kull Malti u Għawdxi għandu jgawdi minn standards għoljin fit-tmexxija u għandu d-dritt ikun jaf x’qed jagħmel il-Gvern.

L-MEP f’isem il-Partit Nazzjonalista tkellmet ukoll dwar l-istudenti u ż-żgħażagħ, partikolarment dawk Għawdxin, u kif għodda bħalma huma ‘start-ups’ u ‘business incubators’ jistgħu jgħinuhom biex jibqgħu jaħdmu f’Għawdex stess.

Qalet li ż-żgħażagħ b’ideat innovattivi għandhom ikollhom aċċess għall-finanzi biex iwettqu l-ideat tagħhom meta hi sfortuna li f’pajjiżna mhux qed ninvestu biżżejjed fir-riċerka.