Lokali

L-MPA tissieħeb mas-CMTU

Wara ġimgħat ta’ diskussjonijiet, il-Malta Police Association (MPA) issieħbet mal-Konfederazzjoni tat-Tradeunions Maltin (CMTU). Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Uffiċjali tal-MPA u tas-CMTU.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MPA, l-Ispettur Robert Vella, qal li bħala union ħassew il-bżonn li ma jibqgħux waħedhom biex żgur jassiguraw l-aħjar kundizzjonijiet għall-membri tagħhom, li s’issa jammontaw għal 1,400.

Tkellem ukoll dwar żewġ kwistjonijiet li diġà qed jaħdmu fuqhom: il-Work Time Directive, li tgħid li Pulizija ma jistax ikun obbligat jaħdem aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa ħlief f’każi eċċezjonali u l-kwistjoni fejn il-Pulizija jaħdmu 46 siegħa fil-ġimgħa u jaqilgħu paga daqs ħaddiema oħra taċ-Ċivil li jaħdmu 40 siegħa fil-ġimgħa.

L-Ispettur Vella kompla li s-CMTU kienet l-aktar konfederazzjoni interessata f’din l-affiljazzjoni. B’hekk, l-MPA issa se tkunu rappreżentata, permezz tas-CMTU, fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).

Min-naħa tiegħu, l-President tas-CMTU Martin Balzan qal li l-Konfederazzjoni hi sodisfatta b’din l-affiljazzjoni ġdida. Kompla li bħala konfederazzjoni ma tindaħalx fil-mod kif jaħdmu l-unions affiljati, iżda biss fuq kwistjonijiet ta’ importanza komuni, bħall-pensjonijiet.

L-Uffiċjali tal-MPA u tas-CMTU qalu li qed iħarsu ‘l quddiem biex jaħdmu flimkien għall-ġid tal-membri rispettivi tagħhom.