Deċiżjoni tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, biex il-ġenituri ma jibqgħux ipoġġu fl-istess bank ta’ wliedhom waqt li dawn ikunu qed jagħmlu l-Ewwel Tqarbina, jidher li qed tqajjem diżgwid kemm fost Arċiprieti u Kappillani kif ukoll fost il-ġenituri tat-tfal, minkejja li din id-deċiżjoni għadha ma kinetx komunikata b’mod uffiċjali lill-ġenituri.
Dan is-sit waslitlu ċirkolari maħruġa mill-Kurja tal-Arċisqof fil-jiem li għaddew iffirmata mill-Vigarju Ġenerali Mons. Joseph Galea Curmi, li tgħid li d-deċiżjoni tal-Arċisqof hi li fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel Tqarbina, it-tfal ikunu miġburin flimkien fuq quddiem fil-knisja waqt li l-ġenituri u l-qraba jkunu f’xi post ieħor fil-knisja, mhux ħdejn it-tfal.
Waqt it-tqarbin, tkompli ċ-ċirkolari, it-tfal jitqarbnu l-ewwel huma; imbagħad wara li jitqarbnu kollha, jitqarbnu dawk preżenti fil-kongregazzjoni. Jekk issir purċissjoni qabel il-quddiesa, it-tfal jimxu huma l-ewwel flimkien.
Iċ-ċirkolari, li kienet mibgħuta lill-Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ knejjes u Superjuri Reliġjużi, tgħid li l-iskop ta’ din il-bidla hu li billi ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel Tqarbina hi l-festa tat-tfal, dawn għandhom jingħataw prijorità u jkunu fuq quddiem. “Ikunu jistgħu jsegwu aħjar huma, u ċ-ċelebrant ikun jista’ jikkomunika magħhom.”
Jidher li mhux il-kappillani kollha laqgħu tajjeb din id-deċiżjoni. Tnejn minn dawn li kellmuna qalulna li ma jaqblux li min dejjem ipprova jimxi sewwa u dejjem kien preżenti fil-preparamenti ta’ wliedu għal dan il-jum, ikun f’post imwarrab fil-knisja u mhux fuq quddiem biswit it-tifel jew tifla tiegħu.
alulna li meta tkellmu ma’ xi ġenituri li wliedhom qegħdin jitħejjew għal dan il-jum, dawn urew id-diżappunt tagħhom u attribwew din id-deċiżjoni għal xi argumenti li kien hemm f’xi parroċċi minħabba nuqqas ta’ qbil minn koppji separati jew divorzjati.
Fiċ-ċirkolari jingħad li l-Arċisqof jifhem ix-xewqa ta’ diversi ġenituri li jkunu qrib uliedhom fiċ-ċelebrazzjoni. “Għalhekk ta’ min wieħed iħeġġeġ lill-ġenituri li mill-għada tal-Ewwel Tqarbina, jakkumpanjaw lit-tfal b’mod regolari waqt il-Quddiesa.”
Madankollu mhux kulħadd jidher li kien diżappuntant bid-deċiżjoni tal-Arċisqof. Xi ġenituri li tkellimna magħhom qalu li jaqblu ma’ din id-deċiżjoni għax il-Preċett huwa qabel kollox festa tat-tfal u mhux xi wirja tal-moda u l-eleganza, kultant esaġerata, tal-ġenituri tagħhom.
Din id-deċiżjoni tal-Arċisqof tapplika mill-bidu tal-2017 għal kull parroċċa u għal kull fejn issir iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel Tqarbina fl-Arċidjoċesi ta’ Malta.
//= $special ?>

