Futbol Sport

Imnedija l-Goal Card għal partiti tan-Nazzjonal

Il-Malta Football Association se terġa’ torganizza l-kunċett tal-Goal Card bl-għan li tagħti inċentiv lill-partitarji li jsegwu t-tim Nazzjonali. Dettalji ngħataw f’konferenza stampa li saret ilbieraħ fis-Centenary Hall f’Ta’ Qali fejn is-Segretarju tal-MFA Bjorn Vassallo qal li l-Goal Card li f’Malta hemm tliet tipi ta’ nies li jsegwu l-futbol, li huma dawk li jsegwu l-klabbs lokali, dawk li jsegwu t-tim nazzjonali kif ukoll dawk li jsegwu t-tnejn.

B’differenza miż-żewġ edizzjonijiet passati tal-Goal Card, din id-darba hemm l-attrazzjoni tat-tim Nazzjonali Ingliż. Dawn il-logħob se jkunu validi mill-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 li se ssir fir-Russja.

It-tim Nazzjonali jiftaħ l-impenji fl-4 ta’ Settembru f’Ta’ Qali kontra l-Iskozja, bis-Segretarju tal-MFA jsostni li l-plejers għandhom bżonn is-sapport fejn l-aħħar prestazzjonijiet urew prestazzjonijiet tajbin kif ukoll riżultat viċin mat-timijiet il-kbar.

Vassallo għamel aċċenn ukoll għal partita li Malta se tilgħab kontra l-Ingilterra f’Ottubru f’Wembley Stadium fejn qal li s’issa hemm rikjesti kbar kemm mill-Maltin kif ukoll minn dawk il-Maltin li huma residenti fl-Ingilterra. Dakinhar se tkun ppreżentata l-FA Trophy l-ġdida, tazza li se tkompli ġġedded ir-relazzjoni ta’ bejn iż-żewġ assoċjazzjonijiet.

B’referenza għall-aħħar każi ta’ koruzzjoni li qed jitfgħu dell fuq it-timijiet Nazzjonali, Vassallo qal li “kull plejer għandu jagħti d-dedikazzjoni kif ukoll il-ħila tiegħu biex ikun ta’ servizz għal pajjiżu, u min tiġih l-opportunità li jilgħab mat-tim nazzjonali għandu jagħmel dan għal ġieħ ta’ pajjiżu.”

Bjorn Vassallo tkellem ukoll dwar il-kamp ta’ taħriġ li t-tim Nazzjonali għadu kif għamel fl-Awstrija fejn qal li kienu disat ijiem tajbin bi prestazzjoni tajba kontra l-Awstrija speċjalment fit-tieni taqsima.

Vassallo għadda rimarka fuq it-telfa tar-Repubblika Ċeka fejn qal li l-logħba ma kinitx fuq il-lista tar-rankings. “Minħabba li l-plejers m’għadhomx jitħarrġu mat-tim nazzjonali, kien importanti fuq livell fiżiku iżda aktar mentali li tipprepara.”

Is-Segretarju tal-MFA qal l-ewwel partita kontra l-Iskozja se tkun speċjali wkoll għaliex se tkun l-ewwel partita bis-sistema tal-pitch il-ġdid li fih se jkollu sistema hybrid bħal grawnds ta’ barra minn Malta.

Il-Kap tat-taqsima tal-Marketing Norman Saliba ta d-dettalji dwar is-sistema tal-Goal Card. Saliba qal li l-partiti jinkorporaw il-partiti f’Ta’ Qali kontra l-Iskozja, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Ingilterra bl-aħħar partita tkun kontra l-Litwanja fil-5 ta’ Ottubru 2017.

Fil-Goal Card se jkun hemm inċentiv għat-tfal ta’ taħt it-12-il sena fejn għajr kontra l-partita tal-Ingilterra, mhux se jħallsu. Dawk kollha li japplikaw għal Goal Card, se jkunu qed jiffrankaw €60 mill-prezz tal-biljetti. L-applikazzjoni online se tiftaħ il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju u tagħlaq fis-17 ta’ Lulju. Vassallo spjega l-importanza li kulħadd jżomm mad-dati minħabba l-loġistika. Il-website hi www.goalcard.mfa.com.mt.

Bjorn Vassallo għalaq il-konferenza b’referenza għal futur tal-kampjonat Premier fejn qal li fil-5 ta’ Lulju se ssir Laqgħa Ġenerali Straordinarja li fiha se jivvutaw għall-emendi biex jekk jgħaddu jidħlu fis-seħħ mill-istaġun 2017/2018. Is-Segretarju Ġenerali qal li l-MFA semgħat u se taġixxi skont dak li l-assoċjazzjoni taħseb li għandu jsir b’referenza għal proposta li t-timijiet fil-Premier jiżdiedu għal 14-il tim.

 

PREZZIJIET TAL-GOAL CARD GĦAL KBAR

West C                 Millenium             South Stand

€100                     €65                       €40