Internazzjonali

Berlusconi jiddaħħal l-isptar bi problemi f’qalbu

L-eks-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi ddaħħal l-isptar bi problemi f’qalbu, skont ma rrappurtaw kelliema għall-Partit Forza Italia, li hu ilu jmexxi mill-bidu tas-snin disgħin.

Madankollu, dawn il-kelliema fissru l-kundizzjoni ta’ Berlusconi bħala mhix serja u sostnew li ‘mhemmx lok għal preokkupazzjoni.

Stqarrija mill-Isptar ta’ San Raffaele f’Milan qalet li Berlusconi, li għandu 79 sena, se jgħaddi minn xi testijiet fil-jiem li ġejjin u li kien neċessarju li hu jqatta’ xi żmien l-isptar minħabba problemi li l-kelliema fissru bħala ‘nuqqasijiet kardijaċi’.

Silvio Berlusconi kien Prim Ministru Taljan għal erba’ darbiet iżda fl-aħħar snin hu nstab ħati b’konnessjoni ma’ tixħim u frodi tat-taxxa.