Internazzjonali

Dmija u straġi minn karozza-bomba f’Istanbul

Inqatlu almenu 11-il persuna – seba’ pulizija u erba’ ċivili – meta xarabank tal-qawwiet tas-sigurtà Torok spiċċat mira ta’ attakk b’karozza bomba fiċ-ċentru ta’ Istanbul. Dan kien ir-raba’ attakk qalil, din is-sena, fil-belt ewlenija li hi anki l-akbar waħda tat-Turkija.

Ir-rapporti qalu li l-isplużjoni kienet attivata b’sistema ta’ remote control fil-ħin tar-rush hour, meta x-xarabank kien qed javviċina n-neighbourhood storiku ta’ Pjazza Beyazit li hu attrazzjoni kbira għat-turisti. Fil-ħin tal-isplużjoni, ix-xarabank tal-pulizija kien għaddej mid-distrett attiv ta’ Vezneciler, bil-Gvernatur ta’ Istanbul, Vasip Sahin, wara jikkonferma li fl-attakk indarbu wkoll xi 40 persuna.

L-ebda grupp ma assuma responsabbiltà għall-attakk, iżda l-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, irrefera ‘għas-sehem tal-militanti Kurdi tal-grupp PKK’. L-istampa Torka qalet ukoll li madwar erba’ persuni spiċċaw arrestati, iżda ma pprovdietx dettalji.

Meta żar lill-midruba l-isptar, Erdogan qal li l-attakki qed isiru kontra uffiċjali li qed iħarsu s-sigurtà tal-poplu Tork. Hu għamilha ċara li l-aħħar straġi fil-qalba ta’ Istanbul ‘mhix se tkun maħfura’ u li t-Turkija se tkompli l-ġlieda determinata kontra t-terroriżmu.

Il-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin, Mevlut Cavusoglu, fisser lill-aggressuri li wettqu d-dmija fil-kwartier storiku ta’ Istanbul bħala ‘nies bla qalb li wettqu l-attakki minkejja li qed ikun osservat ix-xahar qaddis Musulman tar-Ramadan.’

Il-vjolenza fit-Turkija ħadet spinta kaġun tat-tensjoni bejn il-Gvern ta’ Ankara u s-separatisti Kurdi, bil-konflitt fis-Sirja (ġar tat-Turkija) jipprovdi element ieħor ta’ periklu sostanzjali. It-terroristi tal-ISIS, li għandhom bażijiet fis-Sirja, kienu responsabbli għal uħud mill-aħħar attakki fit-Turkija, bl-oħrajn jitwettqu mill-PKK jew xi waħda mill-fergħat ta’ dan il-grupp militanti.