It-tifel Ġappuniż li dam sitt ijiem mitluf qalb foresta wara li l-ġenituri kienu telquh waħdu bħala forma ta’ penitenza, intbagħat mill-isptar fil-Ġappun fejn kien ilu jinżamm taħt osservazzjoni għal dawn l-aħħar ġranet.
Il-każ xokkanti qajjem dibattitu kbir fil-Ġappun dwar kif għandha tkun l-imġiba tal-ġenituri, waqt li Takayuki Tanooka, missier iċ-ċkejken Yamato Tanooka, qal, waqt intervista, li ‘ibnu kien ħafirlu għal dak li għamel’.
Fit-28 ta’ Mejju li għadda, Takayuki Tanooka u martu kienu ħallew lil Yamato għal xi żmien waħdu maġenb triq, qalb zona ta’ foresta, fuq il-gżira ta’ Hokkaido. Ingħad li huma ħadu din l-azzjoni ‘biex jikkorreġu lil binhom’ li kien qed iġib ruħu b’mod imqareb u meta, imbagħad, irritornawh għalih ma sabuhx fl-inħawi.
Il-każ iġġenera mhux ftit tal-kontroversja fost tfittxija intensiva għat-tifel li, sa fl-aħħar, instab f’ hut f’inħawi ta’ bażi għal taħriġ militari. Il-bażi tinsab ftit anqas minn sitt kilometri ’il bogħod minn fejn il-ġenituri kienu telqu lil Yamato, li ftit qabel, kien qed iwaddab il-ġebel lejn in-nies u l-karozzi.
It-tifel irrakkonta li meta sab ruħu abbandunat kien tilef is-sens ta’ direzzjoni u li mexa fit-tul sakemm wasal sal-hut, fejn kien għadda jiem sħaħ ta’ inċertezza. Hu seta’ jixrob minn ilma tal-vit fil-faċilità iżda ma kiel xejn għal dak iż-żmien kollu. Meta nstab, Yamato kien qed ibati minn effetti ta’ dehydration u kellu wkoll il-grif ma’ jdejh u saqajh, iżda minkejja dan hu kien iddikjarat, ftit jew wisq, f’kundizzjoni tajba.
Min-naħa tagħhom, il-pulizija mhumiex se jippersistu b’akkużi kontra l-ġenituri ta’ Yamato Tanooka.
//= $special ?>