L-indikazzjonijiet mill-Istati Uniti huma li Hillary Clinton kisbet in-nomina tal-Partit Demokratiku biex, f’Novembru, tikkontesta f’ismu għall-Presidenza tal-pajjiż. Intant, jonqos għall-konferma uffiċjali tal-partit anki jekk l-aħħar analiżi uriet li hi rebħet biżżejjed delegati biex taċċerta mit-tragward.
L-aġenzija Associated Press qalet li Clinton diġà aċċertat mill-2,383 delegat meħtieġa għan-nomina, ladarba wieħed jgħodd magħhom ‘l-impenji’ tas-superdelegati tal-partit. Is-superdelegati huma nies ta’ ġewwa mal-partit li jistgħu jimpenjaw appoġġ lil kandidat qabel il-konvenzjoni tal-partit, iżda li ma jivvutawx għalih formalment sakemm issir il-konvenzjoni.
Min-naħa tiegħu, Bernie Sanders, is-Senatur minn Vermont u avversarju qalil ta’ Clinton għan-nomina tal-Partit Repubblikan, insista li ‘għadu kmieni wisq’ biex xi ħadd jiffissa r-riżultat tat-taqtigħa bejnu u l-eks-First Lady tal-Istati Uniti. Iżda l-istampa qed timxi fuq is-sinjali li Hillary Clinton għandha tkun l-ewwel mara li tkun kisbet in-nomina biex tikkuntesta għall-Presidenza tal-pajjiż f’isem partit politiku ewlieni Amerikan.
Bħalissa qed isiru l-primarji f’sitt Stati Amerikani li huma Kalifornja, New Jersey, Montana, New Mexico, South Dakota u North Dakota. L-aktar riżultati mistennija huma dawk minn Kalifornja (b’543 delegat) u New Jersey (b’142), bil-primarji finali jsiru fl-14 ta’ Ġunju, f’Washington.
Intant, Clinton, għalissa, qed iżżomm lura milli tħabbar li rebħet it-tellieqa twila ma’ Sanders u waqt diskors f’Long Beach, f’Kalifornja, hi sostniet li ‘għalkemm il-Partit Demokratiku jinsab f’xifer ta’ mument storiku, xorta fadal ix-xogħol xi jsir’.
Min-naħa tiegħu, Sanders qed jittama li jirbaħ Kalifornja biex iżomm il-kampanja tiegħu għaddejja sa dakinar tal-konvenzjoni tal-partit li ssir fl-aħħar ta’ Lulju, fil-belt ta’ Philadelphia,
Il-kandidat Demokratiku rebbieħ jikkonfronta lil Donald Trump, li ġimgħat ilu rebaħ in-nomina tal-Partit Repubblikan, fl-elezzjoni deċiżiva għall-White House.
//= $special ?>