Numru ta’ djar esklussivi fil-Bajja ta’ Collaroy, f’Sydney, huma f’periklu li jaqgħu wara li l-baħar daħal ’il ġewwa sew, f’dik iz-zona. Dan meta l-awtoritajiet jaħsbu li l-istrutturi ddgħajfu minħabba l-mewġ konsistenti li kienu qed iħabbtu magħhom.
L-aħħar rapporti qalu li l-mewġ tal-baħar ‘bela’ sa 50 metru tax-xatt’, wara maltempata qalila li laqtet il-kosta tal-Awstralja, lejn il-Lvant. Kien anki kkonfermat li mietu tal-anqas erba’ persuni b’kaġun tal-maltempati fl-inħawi, b’numru ta’ nies ikunu rrappurtati nieqsa.
Issa, l-indikazzjonijiet huma li l-kundizzjonijiet fl-Istat ta’ Tasmania ma baqgħux daqstant ħorox u li laħaq għadda ‘l-agħar tal-maltemp’.
Madankollu, id-djar lussużi quddiem il-waterfront, fil-Bajja ta’ Collaroy, tilfu l-btieħi u biċċiet sostanzjali oħra tal-proprjetà wara li mewġ għoli sa 13 il-metri u fenomenu tal-baħar magħruf bħala king tide assedjaw il-bajja.
Intant, il-baħar kompla jidħol ’il ġewwa u jnaqqar mill-bajja filwaqt li jikkaġuna ħsarat addizzjonali fid-djar, tant, li n-nies fiz-zona semgħu ‘ħafna żaqżiq’ li jindika ħsarat strutturali sostanzjali. Ingħad ukoll li r-residenzi esklussivi jeħtieġu jgħaddu minn ‘evalwazzjoni bir-reqqa’ qabel in-nies jistgħu jerġgħu jidħlu fihom, bis-sidien qed jistennew l-aħħar kelma min-naħa tal-inġiniera.
//= $special ?>