Internazzjonali

‘L-ebda ħabs għal immigranti illegali’, fuq deċiżjoni ta’ Qorti Ewropea

Il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja ddikjarat li immigranti li mhumiex ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u li jkunu daħlu illegalment fi stat membru tal-Unjoni m’għandhomx, bħala konsegwenza, jinżammu taħt arrest inkella f’sitwazzjoni fejn huma jkunu miċħudin mil-libertà.

Din il-qorti spjegat li, minflok, l-immigranti li jkunu daħlu illegalment f’pajjiż tal-UE għandhom jintbagħtu lura lejn il-pajjiż minn fejn huma kienu telqu, bħala parti mill-proċess magħruf bħala Return Directive.

Id-digriet japplika għall-immigranti li jaqsmu l-fruntieri fi ħdan iż-żona ta’ Schengen li tippermetti għal movimenti mingħajr il-ħtieġa ta’ passaporti u għal dawk l-immigranti li joħorġu minn dik iż-żona.

L-istess digriet kien xprunat mill-każ ta’ mara immigranta li ġejja mill-Ghana li nstabet li kienet qed tuża d-dokumenti foloz stampati fil-Belġju biex hi tivvjaġġa bihom.

Il-mara, Selina Affum, kienet instabet mill-Pulizija Franċiża qrib id-daħla għaċ-Channel Tunnel u fejn hi spiċċat fil-kustodju tal-pulizija fuq bażi li hi kienet daħlet illegalment f’territorju ta’ Franza. Sadanittant, il-mara irribattiet li hi kienet qed tinżamm b’mod illegali fid-dawl tar-Return Directive tal-UE li jesiġi li immigrant illegali (fil-pajjiżi tal-Unjoni) jingħata sa 30 jum żmien biex jitlaq volontarjament.

Ladarba jiskadi l-perjodu, it-tneħħija ta’ immigrant illegali minn pajjiż m’għandux jinvolvi forza eċċessiva jew ċirkustanzi fejn ħajjet il-persuna titqiegħed f’periklu.