Il-Kumitat Sezzjonali Partit Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien b’dispjaċir jinnota illi l-istat tat-toroq f’Ħal Tarxien qed ikompli jmur għall-agħar ma kull xahar li jgħaddi. Hemm toroq li issa ilhom diversi snin traskurati kemm mill-Kunsill Lokali kif ukoll mill-Gvern Ċentrali. Jidher ċar illi numru kbir ta’ toroq li anke jaqgħu taħt ir-responsabilta tal-Gvern Ċentrali hemm bżonn illi jsiru mil-ġdid u oħrajn għandhom bżonn attenzjoni immedjata minħabba illi l-istat tagħhom mhux biss huwa wieħed tal-biki imma li sar anke perikoluż.
Dan l-aħħar Transport Malta waħħlet numru ta’ tabelli u sinjali biex tindika l-bidu ta’ xogħolijiet f’xi toroq, liema xogholijiet, iżda, baqgħu ma bdewx. Qed jiġi ndikat li hemm pjanijiet mill-Gvern biex isiru xogħolijiet fi Triq Palma, triq li l-istat tagħha jitlob li trid issir kollha mil-gdid minħabba l-ħsara estensiva li għandha u mhux parti minnha biss. L-istess sinjali li twaħħlu iktar qed joħolqu inkonvenjent u konfużjoni għas-sewwieqa. Toroq oħra bħal Triq Fieres u Triq Birżebbuġa huma fi stat hazin hafna, kif ukoll it-toroq bħal Triq Santa Monica, Triq it-Tempji Neoltiċi , Triq is-Sorijiet, Triq il-Karmnu u Triq Annetto Caruana. Dawn it-toroq u oħrajn bħalhom kollha tħallew jiddeġeneraw u fl-ahhar snin qatt ma saret manutenzjoni fuqhom. Triq oħra li twaħħlu t-tabelli u baqa’ ma sar xejn hija Triq San Franġisk illi parti minnha trid issir bħala triq ġdida. Minkejja li twaħħlu t-tabelli li jindikaw li din it-triq ser tinbena, għad ma hemmx żvilupp biżżejjed u residenti ta’ toroq ohra qed isaqsu ghaliex din it-triq se tiehu preċedenza fuq it-triq taghhom?
Il-Kumitat Sezzjonali Partit Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien jinnota illi hija haġa tajba illi fid-distrett tal-Ministru Joe Mizzi sar investiment kbir fit-toroq b’nefqa li tammonta għal miljuni ta’ ewro. Mill-banda l-oħra fid-distrett minn fejn ġew eletti l-Ministru Chris Fearne, Silvio Parnis – Chairperson tal-Kumitat Konsultattiv ghan-nofs inhar ta’ Malta, Il-Ministru bla portafoll Konrad Mizzi u il-Prim Ministru Joseph Muscat, għad ma sar assulutament xejn. Għalhekk wieħed jistaqsi jekk il-Prim Ministru u d-deputati tad-distrett humiex ser jiftakru fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien biss lejliet xi elezzjoni oħra u eżatt wara jinsew li xi darba ikkontestaw fuq din il-lokalità. It-Toroq f’Ħal Tarxien jeħtiġilhom attenzjoni immedjata u pjan serju u mhux tabelli li jitwaħħlu imbagħad jibqa’ ma jsir xejn.
Fl-aħħar mill-aħħar huma r-residenti ta’ Ħal Tarxien li qegħdin jipperikolaw ħajjithom u hajjet haddiehor kull darba li jixirfu fit-toroq bil-vetturi tagħhom biex jaghqdu l-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum. Filwaqt illi l-Gvern ma jsibx problema jżid it-taxxi u jonfoqhom f’kabinett u Ministeri sproporzjonati ghandu almenu ikollu id-diċenza li jsib l-fondi meħtieġa biex isir ix-xogħol meħtieġ f’toroq li jużaw residenti u ċittadini Maltin u Ghawdxin fil-hajja taghhom ta’ kuljum.
//= $special ?>

