Missier ta’ 40 sena minn Birżebbuġa, li huwa separat u li għandu l-kustodja tat-tifla, tressaq il-Qorti akkużat li sawwat lit-tifla u li kkaġunalha ferita ħafifa. Dan wara rapporti li saru mill-iskola lill-Aġenzija Appoġġ, li t-tifla kienet qed tiġi msawta.
Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni qalet li kellha tuża l-forza biex irnexxielha trażżnu, bl-ispettur jgħid li r-raġel jagħmel dak li jiġih f’moħħu.
Intqal ukoll li għall-ewwel ir-raġel irrifjuta li jikkopera, iżda iktar tard ammetta li taha xebgħa b’ċintorin, kif ukoll daqqa ta’ siġġu tal-injam.
Ir-raġel inżamm arrestat waqt li l-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, ordnat li s-surmast u l-għalliema tal-iskola fejn tattendi t-tifla jingħataw protezzjoni. Dan wara li sfaw mhedda meta skopra li rrapurtawh.
Fil-Qorti, l-missier iffirma biex it-tifla tmur tgħix ma’ familja oħra. Il-prosekuzzjoni talbet ukoll li jingħata trattament biex jitgħallem irażżan ir-rabja tiegħu. Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras irrifjutat it-talba għal-liberta’ proviżorja, bir-raġel jinżamm arrestat.
//= $special ?>
