L-Ewroparlamentari tal-PN Roberta Metsola qalet li wasal iż-żmien li jkun inforzat Marshall Plan quddiem il-problema tal-immigrazzjoni.
Meta kienet qed titkellem f’dibattitu fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola qalet li l-istati membri tal-UE għandom ipoġġu l-fondi biex isaħħu l-pajjiżi tat-tielet dinja fejn m’hemmx futur għan-nies.
Hi sostniet li l-pajjiżi tal-UE għandhom jinkoraġġixxu l-investiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jwaqqfu Marshall Plan li jagħti opportunità lill-popli għal futur bla biża’ u li jwassal biex titwaqqaf l-immigrazzjoni lejn l-Ewropa.
Roberta Metsola sostniet li f’ħafna okkażjonijiet l-attenzjoni tingħata biss fuq miżuri ta’ emerġenza meta għandu jsir iktar biex dawn is-sitwazzjonijiet ikunu evitati milli jseħħu. Il-politiċi għandhom jimxu lil hinn minn sitwazzjonijiet komdi u jibdew jitrattaw ir-raġunijiet wara l-immigrazzjoni aktar milli jkun azzjonijiet riskjużi li jistgħu jkunu ftit wisq u żgħar wisq.
L-Ewroparlamentari tal-PN Roberta Metsola trattat il-post li għandha l-Ewropa fil-politika dinjija u qalet l-immigrazzjani hi fenominu globali li quddiemu hemm bżonn tmexxija Ewropea meqjusa, kompassjonali u effettiva.
“L-Ewropa għandha bżonn iġġedded ir-relazzjoni ma’ diversi pajjiżi ewlenin Afrikani u tgħin lil dawn il-pajjżi biex jibnu l-liġijiet tagħhom tal-infurzar, is-sistemi tal-ġustizzja u b’mod kruċjali sistemi ta’ ażil biex il-persuni fil-bżonn tal-għajnuna isibu postijiet siguri fi stati barra l-Ewropa viċin il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Min-naħa tagħhom,” sostniet Roberta Metsola, “dawn il-pajjiżi għandhom jaċċetaw lura liċ-ċittadini tagħhom li m’humiex eliġibbli għall-potezzjoni fl-Ewropa.”
Dwar il-liberalizzazzjoni tal-VISA, Roberta Metsola qalet li hemm numru ta’ kundizzjonijiet li kollha għandhom jintlaħqu qabel din il-proposta tkun ikkunsidrata. “L-Ewropa m’għandha qatt tnaqqas il-livelli tagħha għal miżuri fil-qasir u ta’ malajr,” sostniet Roberta Metsola.
//= $special ?>