Internazzjonali

Is-Sirja: Assad iwissi lill-President tat-Turkija

Il-President tas-Sirja, Bashar al-Assad, insista li hu jibqa’ determinat li jkompli jiġġieled ‘waqt il-gwerra tas-Sirja kontra t-terroriżmu’. Hu ma wera l-ebda ħjiel ta’ kompromess, waqt l-ewwel diskors ewlieni tiegħu mindu, f’April, kienu kkrollaw it-taħditiet għall-paċi fis-Sirja.

Assad sostna, waqt diskors fil-Parlament, li hu ‘se jirbaħ lura kull nitfa art fis-Sirja’ u li l-belt ta’ Aleppo ‘trid isservi bħala ċ-ċimiterju tat-tamiet tal-President tat-Turkija Tayyip Erdogan’. Dan meta Erdogan jitqies bħala sponsor ewlieni tar-ribelli li qed jiġġieldu fis-Sirja biex iqaċċtu lil Assad mill-poter.

Il-President Assad qal li, bħalma l-qawwiet Sirjani lliberaw il-belt storika ta’ Palmyra u żoni oħrajn tas-Sirja, il-Gvern tiegħu ‘se jippersisti għal rebħa fuq l-avversarji bħala l-uniku għażla tiegħu, inkella s-Sirja ma teżistix aktar bħala pajjiż’.

L-Armata Sirjana u l-milizzji alleati tagħha, megħjuna mill-ajruplani tal-gwerra Russi, irnexxielhom jieħdu lura Palmyra f’Marzu. Filwaqt li l-qawwiet Sirjani jinsabu għaddejjin b’taqbida kbira mal-ISIS fi bnadi tas-Sirja, Assad qed jikkumbatti wkoll kontra l-gruppi armati appoġġjati minn ‘għedewwa barranin’, inkluża t-Turkija.

Minħabba l-gwerra, naqas ħafna mill-kontroll ta’ Assad fuq is-Sirja, meta l-ISIS, il-gruppi tar-ribelli u milizzji tal-Kurdi qed jikkonsolidaw posthom f’żoni tal-pajjiż.

Bashar al-Assad akkuża lil Erodgan talli hu, fl-aħħar jiem, bagħat ‘l-eluf ta’ militanti’ lejn Aleppo, il-provinċja Sirjana qrib il-fruntiera mat-Turkija. Aleppo u l-madwar huma maqsumin bejn żoni ta’ amministrazzjoni tal-Gvern u r-ribelli. Il-battalji li żdiedu fl-inħawi wasslu biex ifalli l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li kien miftihem fi Frar li għadda.