Studju kkummissjonat mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u li sar mill-MISCO juri li 72% tar-residenti Slimiżi jikkunsidraw l-iskema ta’ parkeġġ għar-residenti bħala pożittiva għaliex tiffaċilitalhom il-problema ta’ parkeġġ.
L-istudju sar fid-dawl tal-kontroversja li bdiet f’Ġunju tal-2013, meta l-Gvern ħabta u sabta ddeċieda li jwaqqaf l-iskema ta’ parkeġġ li kien qed jimplimenta l-Kunsill Lokali, in regola mal-permessi li kellu mingħand Transport Malta u l-avviż legali tal-2009.
Avviż legali ieħor li kien ħareġ fl-2013 deher li speċifikament kellu fil-mira tiegħu lil Tas-Sliema, u legalment annulla d-dritt li l-Kunsill Lokali jimplimenta l-iskema.
Il-Kunsill Lokali pprotesta dan u saru tliet laqgħat mal-Ministru tat-Trasport, li madankollu ma rriżultaw għal xejn, anzi l-Ministeru tat-Trasport qajjem dubji dwar it-talba tar-residenti li tiġi implimentata din l-iskema. Kien għalhekk li l-Kunsill Lokali ħass li kellu jsir dan l-istudju biex jagħti stampa ċara tax-xewqa tar-residenti.
Iżda l-Kunsill Lokali mhux mistenni jieqaf hawn, iktar u iktar meta għal dawn l-aħħar xhur safa njorat mill-Gvern, u għalhekk qed jikkunsidraw l-possibbiltajiet legali kollha li toffrilu l-liġi
Saħansitra anke dan is-survey ilu għand il-Prim Ministru u l-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi għal ġimagħtejn sħaħ. Madankollu l-Kunsill Lokali ma rċeviex imqar risposta dwar din il-kwistjoni, li jqis li hi diskriminatorja kontra r-residenti Slimiżi.
//= $special ?>