Kunsilli Lokali Lokali

Filmat: 72% tar-residenti Slimiżi jridu l-Parkeġġ għar-Residenti

Studju kkummissjonat mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, u li sar mill-MISCO, juri li 72 fil-mija tar-residenti Slimiżi jikkunsidraw l-iskema ta’ Parkeġġ għar-Residenti bħala pożittiva għax tiffaċilitalhom il-problema ta’ parkeġġ.

L-istudju sar fid-dawl tal-kontroversja li bdiet f’Ġunju 2013, meta l-Gvern iddeċieda ħabta u sabta li jwaqqaf l-iskema ta’ parkeġġ li kien qed jimplimenta l-Kunsill Lokali, skont permessi li kellu mingħand Transport Malta u Avviż Legali tal-2009.

Madankollu, Avviż Legali li kien ħareġ fl-2013 deher li speċifikament kellu fil-mira tiegħu lil Tas-Sliema u legalment annulla d-dritt li l-Kunsill Lokali jimplimenta l-iskema.

Il-Kunsill Lokali pprotesta għal dan u saru tliet laqgħat mal-Ministru tat-Trasport, li madankollu ma rriżultaw għal xejn. Anzi, il-Ministeru tat-Trasport qajjem dubji dwar it-talba tar-residenti li tiġi implimentata din l-iskema.

Kien għalhekk li l-Kunsill Lokali ħass li kellu jsir dan l-istudju, biex tkun magħrufa fi stampa ċara x-xewqa tar-residenti. Wara dan l-istudju, il-Kunsill Lokali mhux mistenni jieqaf hawn, b’mod partikolari meta għal dawn l-aħħar xhur safa injorat mill-Gvern.

Sadanittant, ir-riżultati tal-istudju kkummissjonat mill-Kunsill Lokali ilu għand il-Prim Ministru Joseph Muscat u għand il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi għal ġimgħatejn sħaħ. Madankollu, il-Kunsill Lokali lanqas biss irċieva risposta dwar din il-kwistjoni, li jqis li hi diskriminatorja kontra r-residenti Slimiżi.

NETnews tkellem mas-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop: