Ambjent Lokali

Filmat: Ħtieġa ta’ żewġ terzi fil-Parlament biex nissalvagwardjaw l-ODZ – il-Partit Nazzjonalista

Wasal iż-żmien li art ODZ verament tkun ikkunsidrata bħala żona barra mill-iżvilupp li tista’ tinbena biss f’każijiet eċċezzjonali. Dan ħareġ waqt laqgħa li l-Partit Nazzjonalista kellu mal-għaqdiet ambjentali u s-soċjetà ċivili.

Madankollu, il-Partit Nazzjonalista ma jieqafx hawn u jagħmilha ċara wkoll li lanqas f’każi eċċezzjonali, l-iżvilupp mhux garantit. Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista hi li l-approvazzjoni għall-iżvilupp tasal biss b’vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament, biex b’hekk tkun garantita l-kontabbiltà u t-trasparenza.

Matul il-laqgħa ħareġ b’mod ċar li l-Partit Nazzjonalista hu kommess li jpoġġi l-Ambjent fuq nett tal-aġenda politika tiegħu. Fil-fatt, din il-laqgħa ssejħet mill-Partit Nazzjonalista bħala kontinwazzjoni tal-Konvenzjoni Ġenerali għall-Ambjent, bl-isem ta’ IdeaAmbjent.

Il-konsultazzjoni pubblika li saret waqt din il-Konvenzjoni wasslet għal diversi punti importanti u għall-ħames ‘policy drivers’ li se jiggwidaw il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista, bl-għan ewlieni jibqa’ s-sostenibbiltà u t-tisħiħ tal-Ambjent.

Il-‘policy drivers’ huma: prijorità assoluta lill-Ambjent b’mod li dan jiggwida l-politika tal-Partit fis-setturi kollha, il-governanza tajba, is-sostenibbiltà, l-għajxien tajjeb u l-benessere tal-komunità, kif ukoll kultura ambjentali għall-futur.

Wara li tfasslu dawn il-ħames ‘policy drivers’, il-Partit Nazzjonalista issa qed iwiegħed li jiffoka fuq aspetti varji u jifforma l-viżjoni tiegħu dwar kif dawn il-prinċipji jistgħu jiġu implimentati b’mod ħolistiku fis-setturi kollha.

Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista diġà beda jfassal Dokument li se jispjega l-viżjoni f’dan is-sens u li se jkun qed jiġi ppubblikat fix-xhur li ġejjin.