Lokali

Jinstabu iżjed oqbra fit-triq li tagħti għall-Baħrija

Hekk kif fil-jiem li għaddew kompla x-xogħol fuq l-aħħar parti tat-triq li tagħti lejn il-Baħrija, komplew jiġu skavati iktar oqbra, li issa ddawru bil-ħadid u tgħattew b’tinda.

Sa mill-bidu tax-xogħol kollox kien qed jindika li din it-triq hi mibnija fuq l-oqbra, u x-xogħol waqaf sabiex l-arkeoloġisti b’reqqa kbira setgħu ikomplu l-iskavi u l-istudji dwar dan is-sit.

Iżda filwaqt li mil-lat arkeoloġiku din hi skoperta affaxxinanti, qed tqum rabja kbira fost ir-residenti tal-Baħrija. Dawn ilhom madwar sena jieħdu dawra twila biex jaslu sa djarhom.

Mhux hekk biss, iżda l-alternattivi huma toroq One Way li s-sewwieqa mhux josservaw, b’riskju li jseħħ xi inċident, kif ukoll toroq dojoq u oħrajn bi ħsarat konsiderevoli li qed iwasslu għal ħsara fil-vetturi privati.

Residenti tal-Baħrija li tkellmu ma’ dan l-istazzjon urew it-tħassib tagħhom għal idea li qed tissemma’, jiġifieri li t-triq kollha ssir walking museum, jew aħjar triq sħiħa li ssir pedonali u miksija b’tip ta’ materjal (bħal ħġieġ jew perspex biex dak li jkun ikun jista’ jimxi minn fuqha u jara l-oqbra.