Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus ikkritika l-mod żbaljat li bih il-Gvern implimenta l-firda tal-MEPA f’żewġ awtoritajiet u li wassal biex il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar illum diġà spiċċa f’Każin Laburista, bil-persuni suppost Indipendenti fil-Kunsill ma huma indipendenti xejn u huma katina waħda mal-Partit Laburista.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, l-Artijiet, il-MEPA u l-Infrastruttura tkellem fil-Parlament dwar is-sitwazzjoni fil-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, li minħabba li sar kollu maħtur mill-Gvern, tilef l-indipendenza.
Ryan Callus qal li mhux biss l-Oppożizzjoni tilfet il-vuċi tagħha f’dan il-Kunsill, minkejja li l-Kunsill għandu ħafna poteri u jiddeċiedi kważi fuq kollox. Madankollu, il-membri huma kollha maħtura mill-Gvern.
Ryan Callus qal li kien ilu ma jitkellem dwar dak li qed jiġri fl-Awtorità tal-Ippjanar biex jagħti ċ-ċans lill-Awtorità taħdem wara l-qasma li saret fil-Liġi. L-iżbalji li qed isiru huma frott ta’ żbalji ta’ Liġi li ġiet implimentata b’mod ħażin u frott ta’ persuni nominati biex jaqdu lill-politiku u mhux li jkunu ta’servizz liċ-ċittadin.