L-ekspreżentatur tal-PBS Norman Vella ressaq applikazzjoni Kostituzzjonali fil-Qorti fejn qed jitlob li l-Kummissjoni tax-Xogħol tiġi dikjarata bħala waħda mhix kostituzzjonali.
Il-każ hu dwar deċiżjoni tal-Prim Ministru li biddel iċ-chairperson tal-istess kummissjoni f’nofs każ li fih hu qed jiddefendu ruħu wara li tneħħa mill-PBS, allegatament b’motivazzjonijiet politiċi.
Norman Vella qed jargumenta li l-bidla taċ-chairperson f’nofs is-smiegħ tal-każ tiegħu, minn Michael Mallia għal Franklin Testa, hi bħal bidla tat-terna arbitrali f’nofs logħba futbol, xi ħaġa li ma ssirx.
Il-Kummissjoni tax-Xogħol hi ffurmata minn ħames membri, bil-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni li jaħtru żewġ membri kull wieħed, u ċ-chairperson maħtur mill-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Vella, li hu rappreżentat mill-avukati Karol Aquilina u Jason Azzopardi, qed jistaqsi kif jista’ jkun żgurat smiegħ xieraq meta l-persuna li qed jiġġudikah hu l-istess persuna li għandu l-appoġġ tal-Prim Ministru. Dan meta l-każ tiegħu hu propju kontra l-istess Prim Ministru kif ukoll is-Segretarju Permanenti Prinċipali.
//= $special ?>

