Lokali Parlament

Nuqqas ta’ qbil dwar l-aġenda tal-Parlament

Fi tmiem is-seduta parlamentari tal-lejla tqanqlet diskussjoni dwar l-aġenda tax-xogħol Parlamentari għal nhar it-Tnejn.
Bħala l-ewwel xogħol fuq l-aġenda ssemma l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Ordinanza dwar Ċertifikati tal-Kondotta.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, David Agius, ġibed l-attenzjoni tal-Ispeaker li skont il-ftehim li sar fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, dan l-abbozz ma kienx imniżżel li kellu jkun diskuss nahr it-Tnejn. Hu talab lill-Ispeaker jiċċekkja li l-ftehim li sar u l-aġenda kellha ssir skont dak il-ftehim.

Il-Whip tal-Gvern, Godfrey Farrugia, qal li peress li dan l-abbozz kien jonqsu ftit biex jingħalaq fl-istadju tat-tieni qari, ħaseb li jkun xieraq li dan ikun konkluż. Żied li hu informa lill-Oppożizzjoni dwar din il-bidla fil-bidu tas-seduta, iżda ma rċeviex risposta.

Fuq talba mill-Oppożizzjoni, l-Ispeaker qal li skont il-minuti tal-Kumitat tal-Kamra, l-Oppożiżżjoni ma kkummentatx la favur u lanqas kontra l-aġenda kif proposta mill-Gvern. Hu qal li fin-nuqqas ta’ qbil mod ieħor, tibqa’ prerogattiva tal-Gvern li jfassal l-aġenda.

Il-Viċi Kap tal-PN, Mario de Marco, qal li l-ħsieb li jkun hemm programm imfassal minn qabel jgħin biex l-Oppożizzjoni jkollha l-kelliema relatati mal-abbozz diskuss. Jekk ikun hemm tibdil mingħajr avviż fi żmien xieraq joħloq sitwazzjoni fejn il-kelliema, minħabba l-impenji li jkollhom, ma jistgħux ikunu preżenti għad-diskussjoni.

L-eks-Deputat Laburista Marlene Farrugia qalet li r-raġuni li diskussjoni fadlilha ftit minuti biex tingħalaq, mhix raġuni valida. Fil-Parlament għandu jkun hemm diskussjoni xierqa u l-Oppożizzjoni għandha tingħata ċ-ċans li tagħmel ix-xogħol tagħha.
Godfrey Farrugia qal li d-diskussjoni dwar l-abbozz inkwistjoni fadlilha biss l-intervent tal-għeluq mill-Ministru Carmelo Abela.