BLOGS

Partit Demokratiku? Jew Antidemokratiku?

Kull Sistema Parlamentari ġġib magħha ċerti kundizzjonijiet li skont il-kostituzzjoni tal-pajjiż hija struttura li permezz tagħha l-Leġiżlattiv u l-Eżekuttiv ikollhom irwoli differenti u separati kemm jista’ jkun f’kompożizzjoni ta’ seperazzjoni ta’ poter.

Kemm fir-realtà l-Leġiżlattiv huwa separat mill-Eżekuttiv tnissel mistoqsijiet kbar minħabba li f’diversi sistemi parlamentari l-Gvern huwa mislut minn Leġiżlattiv elett u allura, in-naħa tal-Gvern hija ġeneralment leali lejn l-istess Eżekuttiv li f’idejh ikollu l-implimentazzjonijiet u t-tmexxija tal-pajjiż.

Fil-Parlament Indjan, parlament li jiġbor fih ‘il fuq minn 500 membru teżisti klawsola interessanti tassew li tista’ tqajjem ħafna punti għall-argumentazzjoni. Jekk membru parlamentari jivvota kontra l-partit tiegħu jitlef is-siġġu parlamentari. Għalissa mhux se nargumenta kemm din hijiex tendenza antidemokratika jew le, imma se nasal għar-raġuni warajha qabel inkompli.

Membru parlamentari li jivvota kontra l-partit tiegħu huwa meqjus bħala ‘traditur’ għax ikun ittradixxa lill-poplu li eleġġieh sabiex jonora l-partit li lilu qiegħed jirrappreżenta. Ġusta jew le? Mhux il-lok tal-argument hawnhekk, għalkemm fl-opinjoni tiegħi, minkejja li l-Leġiżlattiv huwa fid-dmir li jgħarbel lill-Gvern u dak kollu li jressaq quddiem il-kamra, kull membru għandu l-obbligu lejn il-poplu li tah il-mandat. Dan huwa l-każ ta’ sikkina li għandha żewġ xfafar.

Għaliex ridt nibda propju b’dan l-argument? Matul dawn l-aħħar snin rajna t-tendenza (li llum saret donnha normali) li politikanti jirreżenjaw minn partit u jżommu posthom fil-parlament Maltin wara li jkunu telgħu jirrappreżentaw lill-istess partit. Jiena nħoss li kif inhi s-sistema Maltija, membru parlamentari li jmur kontra l-partit li f’ismu jkun elett għandu minnu nnifsu jirrinunzja postu.

Madankollu, minkejja kull argument li jġib membru parlamentari (li jħalli partit u jibqa’ indipendenti) li dak il-pass għamlu f’isem il-poplu, fil-verità jkun qiegħed imur kontra l-poplu. Lura għall-argument tat-tradiment: Marlene Farrugia.

Inħoss li Marlene Farrugia ma għandhiex il-jedd li ssejjaħ lilha nnifisha indipendenti għaliex għalkemm fir-realtà ma hix parti mill-Gvern/Partit Laburista, hi kkontestat taħt il-kappa Laburista u ressqet ‘il quddiem il-manifest elettorali tal-Partit Laburista.

Nifhem li Joseph Muscat mhux qiegħed ikun f’konformità mal-wegħdiet tiegħu, u nifhem id-diżappunt ta’ Farrugia, imma nħoss li fil-kapaċità tagħha ta’ membru indipendenti qiegħda ’tisraq’ siġġu li ġie afdat lilha taħt premura u kundizzjoni għal kollox differenti.

Jidher issa li meta fi ftit ġimgħat oħra l-Partit Demokratiku jkun uffiċjalment irreġistrat, u għaldaqstant Marlene Farrugia tkun parti integrali minnu – jekk mhux il-mexxejja tiegħu – nistgħu ngħidu li ser ikollna t-tielet partit fil-parlament bl-aktar mod antidemokratiku għaliex bl-ebda mod ma jkun qiegħed jirrappreżenta x-xejriet tal-elettorat.

Bla dubju, jekk kemm-il darba jseħħ dan ix-xenarju, allura l-Partit Demokratiku – daqslikieku l-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista mhumiex demokratiċi?! – jkun qiegħed imur kontra l-prinċipju fundamentali tiegħu: dak li jkun demokratiku.

Il-poplu għamel l-għażla u eleġġa żewġ partiti rappreżentattivi: il-PL fil-Gvern u l-PN fl-Oppożizzjoni, u għalhekk, Marlene Farrugia tkun qed tonqos lill-elettorat jekk iżomm postha fil-Parlament u tirrappreżenta l-Partit Demokratiku.

Dan huwa xenarju li jista’ b’xi modifikazzjoni jintrabat ma’ episodju mill-Istorja Politika li tmur lura fl-1989 meta l-Avukat Wenzu Mintoff (flimkien ma’ Toni Abela u Carmen Spiteri) tkeċċa b’maġġoranza kbira mill-Partit Laburista (għalkemm kien diġà ta r-riżenja uffiċjali tiegħu) u ftit wara fforma l-Alternattiva Demokratika. Mhuwiex fl-interess tiegħi li mmur lura, imma ta’ min jinnota li l-istorja taf tirrepeti ruħha.

Iż-żmien għad jagħtina parir, imma nħoss li dan huwa pass li mhu se jwassal imkien. Għall-kuntrarju ta’ kemm naħsbu li żewġ partiti politiċi b’saħħithom – bħal fil-każ ta’ Malta – idgħajfu d-demokrazija, fir-realtà jwasslu għal Gvern b’maġġoranza b’saħħitha, li tagħti l-opportunità lill-Gvern tal-ġurnata jmexxi skont ir-rieda mogħtija skont il-leġittimità.

L-istorja politika lokali tikkonferma dan: Meta pajjiżna kellu aktar minn partit politiku wieħed rappreżentat fil-Parlament, kellna instabbiltà.

Il-bidla jista’ jwassal għaliha l-Partit Nazzjonalista li huwa aktar minn qatt qabel lest biex jerfa’ r-responsabbiltà u jiggverna f’isem id-demokrazija vera.

Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali fuq it-8 distrett.
Din l-opinjoni dehret fil-ġurnal In-Nazzjon tal-Erbgħa, 8 ta’ Ġunju 2016.