Uffiċjali ta’ BirdLife Malta din il-ġimgħa jinsabu fil-Polonja fejn qegħdin jgħaddu l-eperjenza miksuba f’Malta permezz ta’ proġett ta’ edukazzjoni ambjentali li BirdLife Malta ilha tħaddem b’suċċess għal dawn l-aħħar sentejn lil żewġ NGOs li jaħdmu fl-istess qasam fil-Polonja u fl-Irlanda.
L-inizjattiva ‘Lifelong Learning through Nature’ kienet tnediet f’Malta f’Settembru 2014 bl-iskop li jkun żviluppat programm ta’ edukazzjoni ambjentali li jippromwovi l-importanza tat-tagħlim barra mill-klassi għal studenti ta’ bejn il-5 u l-21 sena.
Fl-ewwel stadji ta’ dan il-proġett, Malta serviet bħala mudell għall-pajjiżi l-oħra li qed jikkollaboraw f’din l-inizjattiva, u li issa se jadottaw ir-riżorsi u l-metodi li tħaddmu f’pajjiżna biex huma wkoll jiżviluppaw il-programmi tagħhom.
Għal dan il-għan delegazzjoni ta’ BirdLife Malta f’dawn il-jiem tinsab f’Varsavja fejn qed tagħti preżentazzjonijiet dwar it-tħaddim tal-proġett lill-imsieħba f’din l-inizjattiva minn BirdWatch Ireland u mill-Polish Society for the Protection of Birds (OTOP) bl-iskop li r-riżorsi li ġew ippruvati f’Malta jiġu adattati għall-użu fl-Irlanda u fil-Polonja.
Imsieħba oħra importanti f’din l-inizjattiva hija r-Royal Society for the Protection of Birds (RSPB) tar-Renju Unit waqt li f’Malta l-proġett kellu wkoll l-appoġġ sħiħ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Bis-sapport finanzjarju tal-Kummissjoni Ewropea, l-investiment fuq din l-inizjattiva mifruxa fuq tliet snin – minn Settembru 2014 sa Awwissu 2017 – jammonta għal kważi €254,000 u b’dawn il-flus qed jiġu żviluppati riżorsi u programmi li permezz tagħhom l-istudenti jingħataw aktar opportunitajiet biex jitgħallmu dwar id-dinja ta’ madwarhom.
L-imsieħba f’dan il-proġett qed jibbenefikaw minn programm ta’ edukazzjoni ambjentali sostenibbli li jista’ jiġi attwat f’diversi forom – mill-edukazzjoni formali u informali sal-korsijiet ta’ taħriġ vokazzjonali. Il-proġett għandu wkoll il-mira li, permezz ta’ evidenza dokumentata, juri kemm hu importanti li t-tfal u l-istudenti jirrelataw man-natura għas-saħħa, il-well-being u l-edukazzjoni tagħhom.
Dawn l-oġġettivi jintlaħqu b’koperazzjoni bejn il-pajjiżi involuti f’din l-inizjattiva fuq diversi livelli tal-qasam edukattiv, ewlenin fosthom l-edukaturi, li jaqsmu bejniethom b’mod kontinwu l-informazzjoni u jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin biex jiżviluppaw riżorsi adattati għall-etajiet differenti.
L-edukazzjoni ambjentali llum hi pilastru ewlieni tal-ħidma ta’ BirdLife Malta li bid-diversi programmi li tmexxi tilħaq 80% tal-istudenti tal-Primarja u għaddejja bil-proċess biex testendi din il-ħidma wkoll fl-iskejjel tas-Sekondarja.
L-inizjattiva ‘Lifelong Learning through Nature’ hi eżempju mill-aktar prattiku ta’ din il-missjoni ta’ BirdLife Malta li għal darba oħra qed turi li hija leader f’dan il-qasam importanti.
//= $special ?>