Ambjent Lokali

Aġġornata: Reazzjonijiet pożittivi għall-proposta tal-PN dwar l-iżvilupp f’ODZ

Fi stqarrija, is-Soċjetà Ċivili qalet li taqbel mal-prinċipju tal-proposta li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil biex l-approvazzjoni għall-iżvilupp f’żoni ‘l barra mill-iżvilupp (ODZ) trid issir b’vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament, biex b’hekk tkun garantita l-kontabbiltà u t-trasparenza.

Is-Soċjetà Ċivili ħeġġet lill-partiti politiċi u lill-NGOs li għandhom għal qalbhom l-Ambjent biex jappoġġjaw din il-proposta tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Jekk il-proposta tkun adottata b’mod ġust, se twassal biex jiżdied l-iskrutinju fuq proposti ta’ żvilupp f’art kbira li tkun ODZ, regolamenti oħra ta’ ppjanar u l-proċess tal-ippjanar innifsu.

Is-Soċjetà Ċivili ssuġġeriet ukoll li vot fil-Parlament għandu jsir wara l-konklużjonijiet u wara l-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Min-naħa tiegħu, anke l-Front Ħarsien ODZ laqa’ pożittivament din il-proposta, filwaqt li ħeġġeġ biex il-vot fil-Parlament jittieħed biss jekk ikun hemm l-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Għaldaqstant, jekk għal xi raġuni, l-Awtorità tirrifjuta l-applikazzjoni, m’għandu jkun hemm l-ebda vot parlamentari.

Il-Front Ħarsien ODZ irrimarka wkoll, fost l-oħrajn, li l-proposta mressqa mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista għandha tapplika wkoll f’każ ta’ reviżjoni fil-konfini tal-iżvilupp.

U l-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa, fi stqarrija separata, qalet li taqbel fil-prinċipju ma’ din il-proposta.

Qalet li dan hi pass ‘il quddiem wara li diversi deċiżjonijiet li ttieħdu fil-passat ma għenux biex jitnaqqas ir-ritmu ta’ żvilupp f’żoni ODZ.

L-għaqda ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar ukoll iddikjarat appoġġ lejn il-proposta, li skont l-għaqda, tpoġġi l-livell tajjeb tal-għajxien fiċ-ċentru tal-politika ambjentali tal-Partit Nazzjonalista.

L-għaqda ambjentali qalet li pajjiżna għandu bżonn tmexxija soda b’viżjoni fit-tul, bil-politika li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista hi pass fid-direzzjoni tajba.

L-uniku riċetta għall-korruzzjoni hija l-politika ta’ Joseph Muscat

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat kompla jikkonferma kemm hu maqtugħ mir-realtà u mill-poplu Malti u Għawdxi meta fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-proposta tal-Partit Nazzjonalista li tissalvagwardja l-ODZ ta’ pajjiżna, qal li din hi riċetta għall-korruzzjoni. Muscat huwa iżolat, tant li hu biss ħareġ jikritika din il-proposta innovattiva. Illum stess, numru ta’ għaqdiet tas-soċjetà ċivili u dawk ambjentali ħarġu jfaħħru u jappoġġjaw il-proposta tal-Partit Nazzjonalista.

L-uniku riċetta f’pajjiżna li ssarraf f’korruzzjoni hija l-politika ta’ Joseph Muscat.