Internazzjonali

Ebda internet għaċ-ċivil f’Singapore

Minn Mejju tas-sena d-dieħla, il-ħaddiema taċ-ċivil f’Singapore mhux se jkollhom aktar aċċess għall-Internet.
Dan bħala miżura ta’ sigurtà. Apparti minn hekk, ħaddiema mhux se jkunu jistgħu jibgħatu e-mails li jirċievu x-xogħol lejn il-posta elettronika personali tagħhom. Dan biex ikun evitat il-ħruġ mill-uffiċini tal-Gvern ta’ informazzjoni sensittiva.
L-aħbar ħasdet lil ħafna fil-pajjiż li anki ddubitaw kemm se jirnexxi l-pjan partikularment minħabba għajdut li dan kien se japplika wkoll għall-għalliema.
Imma hemm suspetti li dan il-pass ittieħed minħabba xi inċident li l-Gvern qed iżomm fommu sieket dwaru.
Skont il-midja f’Singapore, ir-restrizzjonijiet intbagħtu lid-dipartimenti kollha tal-Gvern.
L- Infocomm Development Authority (IDA), l-aġenzija responsabbli għall-bidla, qalet li dan il-pass kien se jsaħħaħ il-protezzjoni tal-Gvern minn attakki minn fuq l-Internet u jkun hemm ambjent tax-xogħol aktar sigur. Kelliem għall-IDA qal li x-xogħol biex jingħata l-aċċess tal-Internet kien diġà beda f’xi uffiċini.