Lokali

Erba’ xhur biss wara … illejla l-ewwel votazzjoni għal Deputat Mexxej Laburista ġdid

Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista - Mill-Arkivji

Illejla tibda l-votazzjoni biex id-Delegati tal-Partit Laburista jagħżlu Deputat Mexxej ġdid għall-Affarijiet tal-Partit. L-istess Delegati diġà għaddew minn dan il-proċess fi Frar li għadda, iżda dakinhar il-Ministru Konrad Mizzi kien il-Magħżul ta’ Joseph Muscat, tant li tħalla jtellaq waħdu.

Biex jimxi mal-pjan li wettaq, dakinhar, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat kien saħansitra ppropona tibdil fl-Istatut tal-Partit ħalli Membru Parlamentari jkun jista’ jokkupa din il-kariga.

Iżda wara li isem Konrad Mizzi ħareġ fl-iskandlu tal-Panama Papers, hu kien ħabbar li mhux se jibqa’ fit-tieni l-ogħla kariga tal-Partit Laburista. Min-naħa l-oħra, hu kien inżamm minn Muscat bħala Ministru f’Kastilja stess.

Ir-riżenja ta’ Konrad Mizzi minn Deputat Mexxej Laburista wasslet għall-elezzjoni li se tibda llejla fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun. Għaliha qed jikkontestaw il-Ministri Chris Cardona u Owen Bonnici, kif ukoll l-eks President tal-Partit Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi.