Bejn l-1 u t-3 ta’ Lulju 2016, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza konferenza nazzjonali dwar l-isport bit-tema ‘Insaħħu l-kultura sportiva f’pajjiżna’ fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, f’Tal-Pietà. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem tal-Isport, iż-Żgħażagħ u l-Gvern Lokali David Agius. Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll miċ-Chairman tat-Tim Sport Partit Nazzjonalista Robbie Ebejer, miċ-Chairperson tal-Kumitat dwar ir-Rikonoxximent Sportiv Carol Walsh kif ukoll mill-President tal-Konferenza Nazzjonali ‘Insaħħu l-kultura sportiva f’pajjiżna’ Adrian Mifsud. Preżenti kien hemm ukoll membri oħra tat-Tim Sport Partit Nazzjonalista.
David Agius qal li din hi t-tieni konferenza nazzjonali dwar l-isport li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza f’din il-leġiżlatura, wara li l-ewwel saret fis-sena 2014. Filwaqt li ta ħarsa lejn il-programm ta’ din il-konferenza nazzjonali, David Agius qal li permezz ta’ din il-konferenza nazzjonali, l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iniedi proċess ta’ konsultazzjoni dwar proposti fis-settur tal-isport, li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jaħdem fuqhom fil-ġimgħat u xhur li ġejjin.
Robbie Ebejer sostna li waħda mill-inizjattivi f’din il-konferenza nazzjonali hija l-wirja ta’ memorabilja li se ssir fid-Dar Ċentrali fl-istess dati tal-konferenza. Hu ħeġġeġ lil kull min għandu xi forma ta’ memorabilja li jixtieq li jkunu parti minn din il-wirja biex jibgħat email fuq timsport@pn.org.mt. B’mod partikolari, hu ħeġġeġ lil klabbs u federazzjonijiet li jista’ jkun li għandhom xi memorabilja li jistgħu jagħtu valur lill-wirja, biex javviċinaw lill-organizzaturi.
Minn naħa tagħha, Carol Walsh qalet li għall-ewwel darba se jkun qed jingħata Rikonoxximent Sportiv. “L-iskop wara dan l-unur hu li l-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi l-impenn ta’ kowċis, amministraturi, voluntiera, uffiċjali u persuni oħra relatati ma’ attivitajiet sportivi, li matul is-snin, taw kontribut għall-organizzazzjoni, l-progress u l-promozzjoni tal-isport, u li ma jaqawx fil-kriterja tal-IsportMalta Awards,” qalet Carol Walsh.
Hi qalet li l-kumitat ta’ għażla li qed jitmexxa minnha, hu magħmul minn Pippo Psaila, Louis Micallef, Mario Genovese, Henry Brincat u Robert Ebejer. Iċ-ċerimonja finali se tkun qed issir il-Ħadd 3 ta’ Lulju filgħodu. Hi stiednet lil federazzjonijiet u klabbs biex jinnominaw individwi li fl-opinjoni tagħhom huma eliġibbli għal dan l-unur. Biex wieħed ikun eliġibbli għal dan l-unur, irid ikun ilu attiv fl-isport għal mill-anqas ħames snin.
Fl-aħħarnett, Adrian Mifsud saħaq li jinsab kburi li se jkun qed jippresiedi din il-konferenza nazzjonali dwar l-isport. Hu qal li l-isport huwa settur li m’għandux ikun politiċizzat, u f’dan id-dawl, stieden lill-klabbs, atleti u federazzjonijiet kollha biex jattendu għall-konferenza nazzjonali, b’mod speċjali għall-workshops, biex joffru l-proposti tagħhom u jitkellmu dwar l-isfidi li s-settur tal-isport qed isib fil-pajjiż.
//= $special ?>