BLOGS

Suċċess!

Għal dawn l-aħħar ġimgħat, madwar Malta u Għawdex wieħed jinnota diversi billboards tal-Partit Laburista bil-kelma ‘suċċess’ kbira – ovvjament din timplika suċċessi li qed jikseb dan il-Gvern. Biss meta wieħed jara dawn il-bill boards, huma ħafna dawk li jistaqsu x’inhuma dawn is-suċċessi u fejn qegħdin?

Suċċessi li ma jinħassux
Il-poplu hemm barra mhux biss mhux jara dawn is-suċċessi iżda lanqas mhu qed jesperjenzahom. B’suċċess, fil-kuntest ta’ Gvern, wieħed jistenna impatt pożittiv fuq il-ħajja taċ-ċittadin iżda dan l-impatt, wara tliet snin ta’ dan il-Gvern għadu ma jinħasx.

Proġetti ma sarux, inizjattivi ftit li xejn, problemi għadhom magħna, iżda l-Gvern qed jiddeskrivi l-ħidma tiegħu bħala waħda ta’ suċċess.

X’kellhom ikunu s-suċċessi?
Is-suċċessi ta’ dan il-Gvern kellhom ikunu l-meritokrazija, trasparenza, responsabbiltà politika, Malta tagħna lkoll.

Is-suċċessi kellhom ikunu l-implimentazzjoni tal-wegħdiet li għamel Joseph Muscat qabel l-elezzjoni li għaddiet. Is-suċċessi kellhom ikunu tkabbir ekonomiku veru u proprju mhux figuri mġebbda b’avvenimenti li ġraw ta’ darba u li s-sena li ġejja ma jerġgħux iseħħu.

Mela fin-nuqqas ta’ dan kif jista’ l-Gvern jiddeskrivi l-ħidma tiegħu bħala waħda ta’ suċċess? Ir-risposta hi sempliċi, ma jistax, iżda kompla fuq il-messaġġ qarrieqi ta’ qabel l-elezzjoni bit-tama li l-kelma suċċess fuq billboard tagħti liċ-ċittadin il-perċezzjoni ta’ pajjiż miexi u mmexxi tajjeb.

Iżda l-poplu ma jgħix bil-perċezzjonijiet, iżda bir-realtajiet. Ir-realtà hi li s-suċċess ma jidhirx, l-impatt fuq ħajjet in-nies ma sarx u l-wegħdiet fiergħa ta’ qabel l-elezzjoni taru mar-riħ.

Nuqqas ta’ suċċessi
Tajjeb wieħed jirrealizza wkoll, li n-nuqqas ta’ suċċessi qiegħed hemm minkejja li dan il-Gvern sab is-sodda mifruxa. Ma ninsewx li l-Gvern preċedenti, fl-2013 assigura għall-pajjiżna baġit ta’ aktar minn biljun ewro sas-sena 2020.

Dawn ma ġabhomx Joseph Muscat, iżda qegħdin hemm biex jużahom hu. Minkejja dan kollu, il-poplu għadu mhux qed jara r-riżultati u l-effett ta’ dawn l-hekk imsejħa suċċessi.

Il-finanzi żgur li huma l-ikbar ostaklu għal kull Gvern, iżda l-Gvern tal-lum sab aktar minn biljun ewro bħala għodda biex jibni fuq is-suċċessi tal-Gvern preċedenti, iżda lanqas dan ma rnexxielu jagħmel. Wiegħed power station ġdida, iżda tliet snin wara għadna mhux narawha.

Wiegħed roħs fil-kontijiet tad-dawl, iżda ħafna huma dawk li mhux jaraw din id-differenza, minkejja li għandu l-aqwa għodda favurieh, jiġifieri prezz taż-żejt fost l-irħas f’dawn l-aħħar snin. Wiegħed li jiġu indirizzati l-iktar problemi li qed jiffaċċja l-pubbliku iżda mhux talli ma solviex l-inkwiet kwotidjan bħalma hu t-traffiku, iżda talli ma dan l-inkwiet u elementi li jdejqu liċ-ċittadini, Joseph Muscat u sħabu żiedu s-sħaba tal-korruzzjoni li qed turta mhux ftit lil kull ċittadin onest.

Realistiku, mhux negattiv
Nifhem li min ma jaqbilx ma’ dan id-diskors, għax ġenwinament ma jaqbilx jew għax jintlaqat fil-laħam il-ħaj, faċli jgħid li qed inkun negattiv. Iżda fil-verità, in-nies hemm barra jafu li dawn huma punti realistiċi, negattivi għaliex diżappuntanti, iżda realistiċi u dak hu li jgħodd li nkunu realistiċi.

Issa jekk ir-realtà hi negattiva, allura għandna għalfejn ninkwetaw għaliex ifisser li qed ngħixu f’ambjent negattiv, fejn ir-riżultati mhux qed jiġu u s-suċċessi huma biss reklam fuq billboard.