It-taxxa fuq it-turiżmu, li l-Gvern se jdaħħal minnha €4.5 miljun fis-sena, issa se tiddaħħal fis-seħħ fl-20 ta’ Ġunju wara li l-Qorti ma laqgħetx il-Mandat li sar minn diversi operaturi turistiċi.
Bid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ħassret id-Digriet mogħti fit-30 ta’ Mejju li għadda, fejn kienet laqgħet it-talba għal dan il-Mandat ħalli jitwaqqaf l-Avviż Legali li jirregola din it-taxxa. Il-Mandat kien tressaq minn numru ta’ assoċjazzjonijiet turistiċi.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li din it-taxxa mhix se teffettwa lis-settur turistiku, b’mod partikolari meta dan is-settur sejjer tajjeb.
Qal li l-pjani huma li l-flus miġbura minn din it-taxxa se jkunu amministrati minn Bord kompost mis-Segretarji Permanenti fil-Ministeri tat-Turiżmu u tal-Finanzi, minn Perit u minn żewġ rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti (MHRA).
Mistoqsi għaliex ingħażlet biss l-MHRA biex tkun parteċipi fl-amministrazzjoni ta’ dawn il-fondi, il-Ministru Zammit Lewis qal li din l-Assoċjazzjoni hi responsabbli għal madwar 75% tal-akkomodazzjoni tas-settur turistiku u hi sieħeb ewleni fis-settur.
Dwar x’tip ta’ proġetti mistennija jsiru, il-Ministru tat-Turiżmu qal li dawn iridu jkunu proġetti ħolistiċi, mhux bilfors fl-aspett turistiku, iżda wkoll f’dak komunitarju.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li din hi taxxa pożittiva li s-settur tat-turiżmu jiflaħ għaliha għax se tkun ta’ massimu ta’ €5 fuq kull turist li jiġi Malta.
//= $special ?>