Hekk kif fadal ġimagħtejn għar-referendum dwar il-Brexit, il-vot dwar jekk ir-Renju Unit għandux jibqa’ fl-Unjoni Ewropea jew le, l-inċerterzza qed tkompli tikber u qed ikun diffiċli ħafna li wieħed ibassar id-direzzjoni tal-vot.
L-effetti ta’ din l-inċertezza qed jinħassu l-aktar fil-qasam finanzjarju fejn l-investituri qed iċaqalqu l-biljuni tal-liri Sterlina f’assi qabel il-vot. Hu stmat li madwar 65 biljun Lira Sterlina nħarġu mir-Renju Unit jew kienu kkonvertiti f’muniti oħrajn bejn Marzu u April, skont il-Bank of England.
Il-vot fir-Renju Unit se jsir fit-23 ta’ Ġunju dwar jekk il-pajjiż għandux jibqa’ jew le membru tal-UE. Xi investituri qed jgħidu li jekk l-elettorat jivvota biex jitlaq, dan kien se jkollu impatt negattiv ħafna fuq il-valur tal-Lira Sterlina.
It-Tlieta, il-valur tal-Lira Sterlina niżel għall-anqas livell f’dawn l-aħħar tliet ġimgħat hekk kif l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika beda juri distakk għal dawk li jridu jitilqu mill-UE.
It-Tlieta kienet ukoll id-data sa meta wieħed kellu jirreġistra biex ikun jista’ jivvota. Min mhux fuq ir-reġistru mhux se jkun jista’ jivvota. Imma issa qed tkun ikkunsidrata estensjoni tad-data. Dan wara li s-sit soċjali kkrolla minħabba l-ammont ta’ nies li kienu qed jippruvaw jidħlu fih. Il-Prim Ministru David Cameron ħeġġeġ in-nies li ma rreġistrawx biex ikomplu jippruvaw minkejja li għaddiet id-data tar-reġistrazzjoni.
Infatti lbieraħ filgħaxija kien deċiż li tkun emendata l-liġi biex id-data tkun estiża.
Cameron, it-Tlieta, ħa sehem fi speċi ta’ dibattitu fuq it-televiżjoni Ingliża ma’ Nigel Farage, il-mexxej tal-UKIP u l-wiċċ l-aktar magħruf tal-kampanja biex il-pajjiż joħroġ mill-UE. Farage stqarr waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew li jemmen li l-vot se jintrebaħ minn dawk li jridu li r-Renju Unit joħroġ mill-UE u li dan kien se jwassal biex aktar pajjiżi jitilqu mill-UE.
Toqrob id-data għal deċiżjoni dwar il-Brexit
