Lokali Unjoni Ewropea

“Żgur” li l-MEPs se jitolbu lil Konrad Mizzi jixhed fil-Kumitat ta’ Inkjesta imwaqqaf mill-PE

Hu żgur li l-Membri Parlamentari Ewropej se jkunu qed jitolbu biex il-Ministru Konrad Mizzi jixhed quddiem il-Kumitat ta’ Inkjesta li l-Parlament Ewropew waqqaf ilbieraħ dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.

Dan qalu kelliem għall-Partit Popolari Ewropew (PPE), li tkellem mal-ġurnal The Times of Malta. Hu qal li hu konvint li l-Ministru Mizzi se jissejjaħ biex jixhed għax fil-Parlament Ewropew segwew sew il-każ ta’ Mizzi f’dan l-iskandlu. Konrad Mizzi hu l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea li rriżulta li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.

Madankollu, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħass li kellu jżomm lil Konrad Mizzi bħala Ministru bla Portafoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru stess.

twitter kap konrad panama

Dwar il-fatt li l-Membri Parlamentari Ewropej mistennija jsejħu għal Konrad Mizzi biex jixhed quddiem il-Kumitat ta’ Inkjesta, fuq Twitter, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kiteb li fi Brussell, il-Ministru Mizzi se jirrealizza li dak li hu aċċettabbli għal Mizzi u għall-Prim Ministru Muscat mhuwiex aċċettabbli għal kulħadd.