L-għaqda NatureTrust Malta u r-Ramblers’ Association ingħaqdu mas-Soċjetà Ċivili, mal-Front Ħarsien ODZ, ma’ Din l-Art Ħelwa u ma’ Flimkien għal Ambjent Aħjar fil-kummenti ta’ appoġġ għall-proposta tal-Partit Nazzjonalista li żvilupp fl-ODZ għandu jkun suġġett għal maġġoranza parlamentari ta’ żewġ terzi.
Fi stqarrija, NatureTrust qalet li temmen li bħala persuni eletti mill-poplu, il-Membri Parlamentari għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għal deċiżjonijiet li jolqtu lill-pajjiż fuq skala kbira. Fl-istess waqt appellat lill-Parlament biex jibda jiddiskuti l-possibbiltà li barrieri li m’għadhomx jintużaw, ikunu utilizzati b’mod aktar sostenibbli.
L-għaqda ambjentali qalet li llum il-ġurnata, il-gżejjer Maltin saru mimlija żvilupp, b’nuqqas qawwi ta’ spazji miftuħa fejn uliedna jistgħu jgawdu l-arja nadifa. Dan il-fatt, temmet tgħid l-istqarrija, hu wieħed minn dawk li qed ikomplu jżidu l-problema tal-obeżità fit-tfal Maltin.
Min-naħa tagħha, ir-Ramblers Associaion qalet li hu pass tajjeb li taħt Simon Busuttil, il-Partit Nazzjonalista rrikonoxxa l-iżbalji li saru fil-passat.
L-għaqda kompliet li hu inkoraġġjanti li mexxej politiku qed jirrikonoxxi li l-Ambjent f’pajjiżna jinsab taħt theddida serja, filwaqt li appellat lill-Partit Laburista fil-Gvern biex jieħu passi minflok ma jibqa’ jħares lejn soluzzjonijiet ‘short-term’.
Sadanittant, anke l-ġurnal The Malta Independent, fl-Editorjal tiegħu qal li l-proposta tal-Partit Nazzjonalisa hi ideali biex isir skrutinju xieraq dwar jekk tali żvilupp għandux isir f’żona ODZ. Dan għaliex, isostni, bħala gżira żgħira ma nistgħux ngħidu “le” dejjem għal żvilupp f’ODZ.
Madankollu, bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista, ikun il-Parlament li jevalwa r-riċerka u l-proċess li jkun sar ħalli jiddeċiedi jekk l-iżvilupp huwiex meħtieġ għall-pajjiż jew le. F’dak il-każ, ikun l-impenn tal-Oppożizzjoni tal-ġurnata li twaqqaf b’fibra morali proġett li ma taħsibx li jkun ta’ ġid.
L-Editur isostni li, fuq kollox, l-implimentazzjoni tal-proposta mressqa mill-Partit Nazzjonalista hi ta’ benefiċċju għall-pajjiż u għall-poplu, aktar milli għall-Gvern tal-ġurnata.
Min-naħa tiegħu, u wara d-diversi reazzjonijiet pożittivi għall-proposta tal-Partit Nazzjonalista ppreżentata mill-Kap tal-Partit Simon Busuttil, il-Prim Ministru Joseph Muscat s’issa kien l-uniku li kkritika l-proposta billi qal li din hi riċetta tal-korruzzjoni.
Dwar dan, il-Partit Nazzjonalista wieġeb li bir-reazzjoni tiegħu, Muscat kompla jikkonferma kemm hu maqtugħ mir-realtà tal-poplu.
Sostna li Joseph Muscat qed iwieġeb b’konfrontazzjoni minflok laqa’ l-proposta biex l-art ODZ tiġi protetta b’żewġ terzi tal-Parlament. Qal li minflok jinfexx f’dagħdigħa ta’ tgħajjir għal kull proposta li jressaq il-Partit Nazzjonalista, ikun aħjar jekk il-Gvern ta’ Joseph Muscat jieqaf, jisma’ u jirrifletti.
//= $special ?>