Lokali

Delegazzjoni ta’ żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista fi żjara ċ-Ċina

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

Aktar tard din il-ġimgħa, grupp ta’ 15-il żagħżugħ u żagħżugħa fil-Partit Nazzjonalista se jivvjaġġaw lejn iċ-Ċina għal żjara uffiċjali għal laqgħat ma’ uffiċjali tal-Partit fil-Gvern Ċiniż. Fiċ-Ċina, d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista se jkollha numru ta’ żjarat u lekċers dwar is-sistema politika Ċiniża, dwar l-ekonomija Ċiniża, kif ukoll dwar l-istorja politika u kulturali taċ-Ċina.

Id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, li tikkonsisti f’membri tal-Kumitat Eżekuttiv, u tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, se tkun immexxija mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake. Id-delegazzjoni tħalli Malta għada s-Sibt 11 ta’ Ġunju u tkun lura fit-22 ta’ Ġunju.

Din iż-żjara qed issir wara li s-sena li għaddiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, flimkien ma’ delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, kellu laqgħat strateġiċi ma’ rappreżentanti tal-Gvern Ċiniż f’Beijing u f’Shanghai, kif ukoll laqgħat ma’ numru ta’ intrapriżi u rappreżentanti tal-industrija b’interessi kummerċjali f’Malta.