Il-Pulizija fl-Italja arrestaw żewġ persuni li nstab li kienu qed imexxu t-traffikar internazzjonali tal-armi tal-gwerra mis-Slovakkja lejn Malta, biex finalment jitwasslu sal-Afrika.
Carmelo Piacente ta’ 51 sena, u s-sieħba tiegħu Simona Puccia ta’ 31 sena qed jinżammu arrestati u mistennija jiġu akkużati bit-traffikar illegali tal-armi kif ukoll l-involviment fil-klann tal-mafja Ceusi.
Jirriżulta li t-tnejn li huma akkwistaw iktar minn 160 arma tal-gwerra u armi tan-nar oħra li madankollu kienu diżattivati. Minkejja li diżattivati, xorta waħda hu llegali li dawn it-tip ta’ armi jiddaħħlu fl-italja.
Dawn l-armi, li swewhom madwar €45,000, twasslu l-Italja u għaddew minn proċess biex mill-ġdid ikunu jistgħu jintużaw. Piacente hu magħruf bħala espert tal-modifikazzjoni tal-armi, tant li f’sekwestru li sar f’Ġunju 2015, instab li saħansitra kellu laboratorju sħiħ speċifikament għal dan.
Wara dan il-proċess, l-armi kellhom jgħaddu lejn Malta biex finalment jaslu l-Eġittu u f’pajjiżi oħra fl-Afrika ta’ Fuq.
Jirriżulta, mill-investigazzjoni tal-Pulizija Taljana, li xi wħud mill-Eġizzjani nvoluti fit-traffikar ta’ dawn l-armi kienu wkoll midħla taċ-ċrieki li jorganizzaw il-vjaġġi tal-immigranti fil-Mediterran.
L-investigaturi mhux jeskludu li dawn l-armi kienu destinati għal gruppi terroristiċi fl-Afrika ta’ Fuq. Iżda jingħad ukoll li l-investigaturi qed ifittxu wkoll jekk hawnx, u f’dak il-każ min huma, ix-xerrejja ta’ dawn l-armi f’Malta jew inkella ma’ min ħadmu ż-żewġ arrestati biex dawn l-armi għaddew lejn Malta.
//= $special ?>