L-aħbar żvelata minn The Malta Independent li l-Korp tal-Pulizija ammetta li mhux se jinvestiga l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-Panama tikkonferma kemm it-tmexxija tal-Korp ġiet ‘hijacked’ mill-Partit Laburista u kif, minn Korp li jservi lin-nies għandna Korp li jservi lill-Gvern.
Saħaq dan il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija f’isem il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami u x-Shadow Minister Jason Azzopardi. Fl-istqarrija ngħad li għal kulmin jirraġuna, l-evidenza kollha li ħarġet s’issa fil-konfront taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u tal-Ministru Mizzi hi aktar minn biżżejjed biex tinfetaħ investigazzjoni fuq suspetti ta’ ħasil ta’ flus, korruzzjoni u evażjoni ta’ taxxa.
Iżda, l-Korp tal-Pulizija – li suppost qiegħed hemm biex jara li ma tinkisirx il-liġi – flok jagħmel dak li għamel kull Korp ieħor f’pajjiż oħra fid-dinja, għażel li jservi ta’ paraventu għall-Gvern Laburista.
Tennew li għalhekk hu ċar li l-ħatra tal-Aġent Kummissarju l-ġdid – il-ħames mexxej tal-Korp fi tliet snin ta’ Gvern Laburista – mhux talli ma saħħitx il-Korp tal-Pulizija, talli mar għall-agħar.
U dan huwa konfermat bl-ammissjoni tal-Korp li ma fetaħx investigazzjoni fuq Keith Schembri u Konrad Mizzi. Fl-istess ħin li jagħlaq għajnejh fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri, il-Pulizija ma tiddejjaq xejn tuża id tal-ħadid maċ-ċittadini komuni.
Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jinsisti mal-Pulizija biex tiftaħ investigazzjoni fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri bla aktar dewmien. Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti wkoll mal-Gvern li l-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid issir b’żewġ terzi tal-Parlament.
Sakemm dan isir, ikun ċar li l-Prim Ministru huwa interessat biss li jkollu Kummissarju li jservi ta’ tapp għalih.
//= $special ?>