Lokali

L-ishma tal-Air Malta għandhom jinbigħu lill-poplu Malti u Għawdxi – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li l-ishma tal-Air Malta għandhom jinbigħu lill-poplu Malti u Għawdxi, inkella saħansitra lill-istess ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru. B’dan il-mod ikun assigurat li l-kumpanija tibqa’ tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dan ħareġ waqt laqgħa li r-rappreżentanti tal-ħaddiema kellhom mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li kien akkumpanjat ukoll mix-Shadow Minister Claudio Grech u mid-Deputati Ċensu Galea u Antoine Borg.

Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-Air Malta qalu li ma jafux x’se jiġri mill-ħaddiema li jirrappreżentaw, hekk kif id-dettalji dwar il-bejgħ tal-ishma tal-kumpanija huma kważi ineżistenti.

Fost l-aktar messaġġi mqanqla kien hemm dak ta’ Dominic Azzopardi, mill-Assoċjazzjoni tal-Piloti, li ddeskriva dak kollu li qed jingħad dwar l-Air Malta bħala vag tant kemm m’hemmx informazzjoni. Hu semma’ l-eżempju tal-Parlament, fejn il-Gvern mhux jagħti informazzjoni għax qed jgħid li l-kuntratt għadu ma ġiex iffirmat.

Noel Mercieca, President tal-Malta Union of Cabin Crew, esprima l-inċertezza dwar jekk il-paga ta’ 200 ħaddiem li jirrappreżenta hijiex se tibqa’ l-istess, kif ukoll jekk hux se jintmessu l-kundizzjonijiet.

Min-naħa tiegħu, Charles Azzopardi mill-Union li tirrappreżenta lill-Inġiniera tal-Air Malta, qal li ma jafux fejn sejra l-Air Malta minħabba n-nuqqas ta’ konsultazzjoni. Wera t-tħassib dwar jekk hux se tintmess it-‘take home pay’, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Dan filwaqt li l-President tal-GWU wera l-apprezzament tiegħu li l-kwistjoni tal-Air Malta ma saritx ballun politiku, hekk kif enfasizza fuq l-importanza tal-kumpanija għal pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamilha ċara li ma jqisx lill-Air Malta bħala kumpanija kummerċjali kwalunkwe għax għandha importanza strateġika. Filwaqt li l-Oppożizzjoni se tibqa’ ssegwi dak li għaddej, Simon Busuttil tenna mill-ġdid it-tħassib tiegħu għall-kummenti taċ-Chairman tal-Alitalia Luca Cordero di Montezemolo, li qal li l-linja nazzjonali tal-ajru tal-Italja mhux se tinvesti lanqas ewro fl-Air Malta.

Din il-laqgħa saret ftit jiem biss wara li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-qafas tal-pożizzjoni dettaljata li qed jipproponi dwar il-futur tal-Air Malta. Dawn il-proposti issa qed jiġu diskussi f’aktar dettal tekniku u finanzjarju mal-imsieħba ewlenin, inkluż mal-Gvern.