Internazzjonali

Truppi speċjali Franċiżi fis-Sirja

Kelliem għall-Ministeru tad-Difiża Franċiż ikkonferma li truppi speċjali Franċiżi kienu preżenti fit-Tramuntana tas-Sirja.
Dawn kienu hemm biex jagħtu pariri lill-Forzi Demokratiċi Sirjani (SDF) li huma impenjati fi ġlied kontra l-ISIS.
L-uffiċjal qal li t-truppi Franċiżi jinsabu fl-inħawi ta’ Manbij fejn għaddejja offensiva kontra l-ISIS u qal li apparti Franza kien hemm preżenza militari minn pajjiżi oħra mingħajr ma daħal f’aktar dettal.
Franza s’issa ammettit il-preżenza ta’ madwar 150 membru tal-forzi speċjali fl-inħawi tal-Kurdistan Iraqi.
Il-SDF hi alleanza bejn ġellieda Għarab u Kurdi appoġġjata mill-Istati Uniti, u bħalissa jinsabu fit-Tramuntana ta’ Manbij, belt strateġika f’idejn l-ISIS u li sservi ta’ pont bejn il-fruntiera Torka u l-belt ta’ Raqqa, il-belt bażi tal-ISIS.
Uffiċjali tal-Ministeru tad-Difiża Franċiż insistew li t-truppi Franċiżi ma kinux imdaħħla direttament fil-ġlied. Hu qal li mijiet ta’ ċittadini Franċiżi kienu marru s-Sirja biex jissieħbu mal-ISIS imma t-truppi Franċiżi ma kinux hemm minħabba fihom.