L-Istat Amerikan ta’ Kalifornja kkonferma li sar illegali l-bejgħ tat-tabakk lil persuni taħt il-21 sena; b’dan jitqies bħala tragward storiku għall-politika tal-Amerikani rigward l-użu tat-tabakk.
Il-liġi ġdida hi parti minn pakkett ġenerali ta’ miżuri għal kontra t-tipjip li kien iffirma l-Gvernatur Jerry Brown matul ix-xahar li għadda.
Minbarra li l-liġi żżid l-età minima għal tipjip legali f’Kalifornja, hi, fl-istess ħin, tiddefinixxi l-e-cigarettes bħala prodotti tat-tabakk.
Dan qed jitqies bħala tentattiv mill-awtoritajiet tal-Istat biex jindirizzaw il-qabża sostanzjali fl-użu ta’ e-cigarettes fost l-istudenti tal-iskejjel ogħla li – skont is-Centers for Disease Control and Prevention (CDC) – kienet irreġistrata bejn l-2013 u l-2014.
Il-liġijiet jirriflettu l-bidliet kontinwi fl-attitudni tas-soċjetà lejn it-tabakk li ilhom mis-snin tmenin. Filwaqt li l-industrija tat-tabakk irreżistiet, ftit jew wisq, għal numru ta’ restrizzjonijiet, qed jingħata spinta akbar lill-impenn biex l-użu tat-tabakk (tipjip) ikun aktar inkwadrat bħala kwistjoni tas-saħħa pubblika.
Xi analisti qed jistennew li l-liġijiet li jirrigwardaw it-tipjip bħal dawk ta’ Kalifornja, ’il quddiem, iridu jinfirxu lejn Stati Amerikani oħra.
Fl-2015, il-Hawaii saret l-ewwel stat Amerikan li ffissa l-age limit għat-tipjip mal-21 sena. Intant, ’il fuq minn 100 belt tal-Istati Uniti, fosthom Boston, New York u Evanston irnexxielhom jgħaddu miżuri simili.
Skont rapport tas-CDC, madwar 75 fil-mija tal-Amerikani, li jinkludu xi 70 fil-mija tan-nies li jpejpu, huma favur li l-età minima legali għal dawk li jpejpu tiżdied minn 18 għal 21 sena.
Illegali t-tipjip għal dawk taħt l-21 sena f’Kalifornja
