Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ r-reazzjoni pożittiva għall-proposta biex jiġi salvagwardjat l-ODZ ta’ pajjiżna. Wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħareġ b’din il-proposta nhar l-Erbgħa li għadda, kienu bosta dawk l-għaqdiet, kummentaturi u anke editorjali li faħħru din il-proposta, għaliex tassew issalva l-ambjent ta’ pajjiżna.
Fi stqarrija ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli u il-Kelliem tal-Ambjent, l-Ippjanar, l-Artijiet u l-Infrastruttura Ryan Callus f’isem il-Partit Nazzjonalista saħqu li fost dawk li ħarġu jfaħħru din il-proposta kien hemm is-Civil Society Network, il-Front Ħarsien ODZ, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Nature Trust, Ramblers’ Association, Din l-Art Ħelwa, u anke The Malta Independent. Dalgħodu, tkellmet ukoll l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi li filwaqt li faħħret il-motivazzjoni ta’ din il-proposta, għad għandha xi mistoqsijiet oħra.
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija kkonkluda li jilqa’ din ir-reazzjoni u fil-ġimgħat u xhur li ġejjin se jkun qed jikkonsulta f’aktar dettall dwar din il-proposta biex ikun jista’ jippreżenta l-viżjoni ambjentali tiegħu f’dettall f’dokument ippubblikat aktar tard din is-sena.
//= $special ?>