Lokali

B’politika nadifa, jaqbillek int – Il-Partit Nazzjonalista bi proposta radikali biex insalvaw l-ambjent

B’politika nadifa, jaqbillu l-poplu Malti u Għawdxi għaliex il-Gvern ikun iffukat fuq l-isfidi tiegħu u mhux biex jiddefendi ismu mill-iskandli ta’ korruzzjoni. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’intervista fuq Radio 101 li matulha tkellem dwar il-proposta radikali li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta din il-ġimgħa biex insalvaw l-ambjent ta’ pajjiżna.

Hu qal li din il-proposta saret fis-sitwazzjoni li fih qiegħed pajjiżna llum, fejn għandna Prim Ministru li jiftaħar li ltaqa’ ma’ xi ħadd mill-Ġordan u f’minuta ddeċieda li jagħtih medda ta’ art verġni, qal Simon Busuttil. Hu sostna wkoll li l-istituzzjonijiet pubbliċi f’pajjiżna, fosthom l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Korp tal-Pulizija, mhux jaħdmu fl-interess taċ-ċittadini, iżda fl-interess tal-Gvern.

Simon Busuttil din il-proposta ntlaqgħet b’mod pożittiv minn kulħadd, ħlief mill-Prim Ministru, li jrid li jibqa’ jiddeċiedi kollox hu f’kamra magħluqa. Hu qal li din hija proposta ta’ tmexxija tajba, fejn il-poter jitneħħa minn idejn il-Gvern u jitpoġġa f’idejn il-Parlament. “Il-proposta tagħna hi ta’ protezzjoni ta’ żewġ terzi għall-kampanja f’pajjiżna,” qal Simon Busuttil.

Il-ħatra ta’ Chris Cardona bħala Deputat Mexxej tefgħet lill-Partit Laburista minn ġot-taġen għal ġon-nar

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għall-ħatra ta’ Chris Cardona bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, u ddeskriviha bħala minn ġot-taġen għal ġon-nar għall-Partit Laburista. Hu qal li l-Partit Laburista issa għandu, b’mod uffiċjali, Deputat Mexxej li jimxi bil-politika tal-mannara. Hu sostna li Chris Cardona huwa l-oppost tal-politika nadifa li għandu bżonn bħalissa pajjiżna.

Simon Busuttil fakkar li filwaqt li hemm mistoqsijiet dwar l-involviment tal-Prim Ministru fl-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama taċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi, issa d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista qiegħed f’kumpanija maċ-Chief of Staff tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista qed jieħu r-rakkomandazzjonijiet tal-Caritas bis-serjetà

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta ma jkollokx politika nadifa, xi ħadd ikun qiegħed iħallas għaliha. “Aħna l-partit li qed nitkellmu dwar dan is-suġġett fejn qed ngħidu li l-ekonomija trid tkun hemm għan-nies, u li l-ekonomija għandha tissarraf f’kundizzjonijiet u kwalità ta’ ħajja aħjar għan-nies.

Hu rrefera għar-rapport tal-Caritas u sostna li l-Partit Nazzjonalista ltaqa’ mal-Caritas u qed jieħu r-rakkomandazzjonijiet bis-serjetà. Hu sostna li dan hu eżempju ċar ta’ kemm hu fl-interess tan-nies li f’Malta jkun hawn politika nadifa, fejn il-Gvern ma jkunx iffukat fuq l-iskandli, iżda ffukat fuq il-bżonnijiet tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-politika maħmuġa ta’ Muscat tinsab kullimkien, inkluż fis-saħħa

Simon Busuttil irrefera għall-istqarrijiet tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija li tkellmu dwar indħil politiku ta’ diskriminazzjoni fis-settur tas-saħħa. Hu qal li jkun hemm każi fejn pazjenti jirċievu telefonati li fihom jinfurmawhom li l-appuntament tagħhom se jkun ittardjat. Dan ifisser li hemm min qed jaqbiżhom, qal Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-politika maħmuġa ta’ Muscat mhix biss fil-Panama – li ddeskriva dan l-iskandlu bħala l-monument tal-politika ta’ Muscat – iżda kullimkien, inkluż fis-settur tas-saħħa.

Tensjoni kbira fost il-ħaddiema tal-Air Malta li jinsabu nkwetati dwar il-futur tagħhom

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din il-ġimgħa ltaqa’ mal-erba’ unions tal-ħaddiema tal-Air Malta, fejn seta’ jħoss it-tensjoni kbira li hemm fost il-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru li jinsabu nkwetati dwar il-futur tagħhom. Simon Busuttil qal li hemm ċertu linji li m’għandhomx jinqabżu fil-privatizzazzjoni tal-Air Malta. Fost l-oħrajn hu rrefera għall-kummenti taċ-Chairman tal-Alitalia li qal li l-linja tal-ajru Taljana mhix se tinvesti fl-Air Malta. “Aħna nipreferu li l-ishma tal-linja nazzjonali tal-ajru jinbiegħu lill-poplu Malti u Għawdxi jew lill-ħaddiema stess,” qal Simon Busuttil.

Oppożizzjoni kostruttiva li tħares ‘il quddiem u li hi Gvern alternattiv

Simon Busuttil temm jgħid li qatt fl-istorja ta’ pajjiżna ma kien hawn Oppożizzjoni li ressqet daqstant proposti, b’mod speċjali proposti li jirriflettu l-ħtiġijiet tal-poplu Malti u Għawdxi, fost l-oħrajn fl-ekonomija, fl-ambjent, u għal governanza tajba. Dan minbarra li din is-sena biss, żewġ liġijiet li għaddew mill-Parlament tressqu u ġew ippjanati mill-Oppożizzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni hija kostruttiva li tħares ‘il quddiem u li hija Gvern l-alternattiv. Fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, l-għażla tal-poplu Malti u Għawdxi se tkun bejn il-Gvern ta’ Joseph Muscat u l-Gvern alternattiv ta’ Simon Busuttil, temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.